Lokali Parlament

Importanza li l-NGOs ambjentali ikollhom leħen fid-deċiżjonijiet ambjentali

Janice Chetcuti, PN

Id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti qalet fil-parlament li hu importanti li l-għaqdiet ambjentali jkollhom leħen fid-deċiżjonijiet ambjentali.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, id-deputat Nazzjonalista kkundannat il-qtil ta’ żewġt iklieb f’Għawdex u qalet li anki dawn l-azzjonijiet jeffettwaw l-ambjent ġenerali tal-pajjiż għaliex l-ambjent jinkludi l-annimali.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li f’April 2021 tpoġġiet mozzjoni mid-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li kien ippropona ħafna minn dak li qed ikun propost mill-gvern illum.

Fost dawn kien hemm proposta li l-awtoritajiet jinstemgħu quddiem il-pubbliku, li ċ-ċittadini jkollhom id-dritt għall-proposti u d-deċiżjonijiet, li ċ-ċittadin ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom u li d-deċiżjonijiet jitpoġġew f’indiċi u jkunu aċċessibbli b’mod elettroniku.

Il-PN jemmen li l-NGOs jingħataw importanza fl-att innifsu u li l-NGOs jkollhom posthom fl-awtoritajiet ambjentali biex ikunu parti mid-deċiżjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li s’issa Malta tilfet parti sostanzjali mill-ambjent għalkemm il-pajjiż għadu biċ-ċans li ma jitlifx kollox. Jeħtieġ li jsir investiment dirett u immedjat biex dan isir, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-problemi tal-ħsejjes qed issir problema kbira għan-nies minħabba li dawn il-ħsejjes qed ikissru s-serħan tan-nies.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-kostruzzjoni li qed tibqa’ għaddejja anki matul il-lejl qed tkun ta’ inkonvinjent kbir; għalhekk l-abbużi għandhom jitwaqqfu. Dwar l-ilma tax-xita, id-deputat Nazzjonalista qalet li l-poplu qed iħoss nuqqas ta’ ilma fejn f’ċertu żona anki f’Golden Bay qed imutu ammont ta’ siġar.

Janice Chetcuti appellat biex anki l-bini jkun jirrispetta l-ambjent biex ikunu salvati l-eko-sistemi. Dwar il-baħar, hi qalet li iktar minn 60% tat-tniġġiż fil-baħar ġej minn plastik li jintuża darba biss.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li kull ministeru għandu jaħdem bl-istess attitudni u strateġija biex jikkonserva l-ambjent. Il-PN qed jaħdem bis-saħħa favur l-ambjent kif dejjem għamel, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li semmiet kif il-PN issa qed jipproponi li l-ambjent ikun dritt fundamentali tal-poplu Malti.