Lokali Qorti

Inkissru d-drittijiet fundamentali ta’ Stephen Spiteri fuq akkużi li saru mill-Kunsill Mediku

Ritratt: Martin Agius

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha tagħat raġun lit-tabib Stephen Spiteri Membru Parlamentari tal-PN u Shadow Minister tas-Saħħa u laqgħet it-talba tiegħu fejn ddikjarat li l-Kunsill Mediku kiser il-id-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq skont il-Kostituzzjoni u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea.

Dan wara li mingħajr ma nvestiga u ġab xhieda xlieh b’akkużi li kien qed joħroġ ċertifikati mediċi mingħajr ma jagħmel visita lill-pazjent. Kien f’Diċembru tal-2017 il-Kunsill beda investigazzjoni fil-konfront tiegħu u talbu jagħti spjegazzjoni dwar ir-rapport li kien ġie mibgħut lill-Kunsill.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti ordnat li din is-sentenza, permezz tar-Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali jibgħat kopja tagħha lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati ai termini tal-Artikolu 242(1) tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-kawża saret ukoll kontra l-Avukat tal-Istat.

Dr. Stephen Spiteri dejjem ċaħad dawn l-akkużi bil-Qorti preseduta mill-Imħallef Robert Mangion tagħtih raġun u tgħid li l-Kunsill Medika ma mexiex sew miegħu. Il-Qorti ddikjarat ukoll nulli l-proċeduri fil-konfront tat-tabib Spiteri. Id-deputat Nazzjonalista kien spjega fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2018 li kien deher quddiem sotto-kumitat tal-Kunsill.

Hawn huwa kien qajjem diversi oġġezzjonijiet ta’ natura proċedurali għaliex saħaq illi kien hemm diversi ksur ta’ proċeduri fil-konfront tiegħu. Tenna li l-Kunsill kien talbu spjegazzjoni bħala entità investigattiva u fl-istess seduta kien ippreżenta l-lista ta’ xhieda li l-Kunsill kien se jressaq fil-vesti tiegħu ta’ prosekutur.

Huwa kien ppremetta li fid-dawl ta’ dan kollu, l-Kunsill kien iddeċieda li jagħtih żmien biex iressaq l-argumenti tiegħu u li jiġu mwieġba mill-konsulent legali tal-istess Kunsill u wara dan, il-Kunsill kellu jgħaddi għad-deċiżjoni preliminari tiegħu.

Spjega li wara li għamel dan, il-Kunsill għamel l-argumenti tiegħu għas-sottomissjonijiet tal-Kunsill Mediku u li hu stess kien se jiġġudikah. Kompla jgħid li b’dan l-atteġġjament huwa ma jistax ikollu garanzija li smigħ ħa jkun indipendenti u imparzjali.

Kompla jispjega li minkejja li ressaq diversi oġġezzjonijiet ta’ natura proċedurali kif ukoll marbuta mal-jeddijiet fundamentali, il-Kunsill baqa’ għaddej bil-proċedura. Għaldaqstant din il-proċedura hija vvizjata meta wieħed iqis li kien il-konsulent legali li wieġeb għan-nuqqasijiet proċedurali tal-Kunsill Mediku u kien l-istess konsulent legali li wieġeb għan-nota ta’ sottomissjonijiet li l-Kunsill ordna lir-rikorrent jagħmel.

Ma’ dan imbagħad jiżdied il-fatt li l-Kunsill kellu jgħaddi ġudizzju fuq dak imressaq mid-deputat tal-PN u fuq dak imressaq minnu (ċioe il-Kunsill) stess. Spiteri ikkjarifika li b’din il-proċedura m’huwiex jattakka l-aġir tal-Kunsill Mediku għaliex hija entità li trid timxi mal-liġi li jkun hemm fis-seħħ, iżda hu kkontesta l-proċess fih innifsu li jista’ jwassal għal pieni ta’ multi, sospenzjonijiet u/jew irtirar ta’ liċenzja.

Dr. Spiteri fisser li l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa (Kapitolu 464 tal-Liġijiet ta’ Malta – minn hawn ‘il quddiem Kap. 464) jagħti l-fakulta lill-Kunsill sabiex jinvestiga, iġib xhieda, iwieġeb sottomisjonijiet u finalment jiġġudika permezz ta’ penalitajijiet kif stabbiliti taħt l-Artikolu 32 (1) tal-Kap. 464.

Għalhekk dan l-artikolu qiegħed jagħti funzjoni lill-Kunsill bħala investigatur, prosekutur u ġudikant b’mod li jippreġudika d-dritt għal smigħ xieraq quddiem tribunal indpendneti u imparzjali, bi ksur tal-Aritkolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropeja kif ukoll l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni.

Il-Qorti qalet li lkorrispondenza turi illi f’xi mument mhux identifikabbli mill-atti proċesswali il-Kunsill Mediku iddeċieda illi mill-proċess ta’ investigazzjoni jgħaddi mill-ewwel għall-istadju tal-ħruġ tal-akkużi formali kontra Spiteri, meta skond l-istess Kunsill l-investigazzjoni lanqas kienet għadha bdiet.

Dan hu konfermat fost l-oħrajn minn deċiżżjoni preliminari datata 27 ta’ Frar, 2020 meħuda mill-Kunsill dwar eċċezzjoni preliminari mqajma mit-tabib. F’dik id-deċiżżjoni preliminari il-Kunsill fl-esposizzjoni tal-fatti li kienu seħħew sa dakinhar jgħid : “Illi Dr Stephen Spiteri irrisponda li ma huwiex ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u permezz tal-avukat difensur tiegħu ressaq l-eccezzjoni tan-nullità tal-proceduri.”

Eżaminati l-fatti rilevanti jirriżulta illi l-Kunsill qed jinvestiga u fl-istess ħin jakkuża lil Spiteri illi kiser il-kodiċi tal-etika tal-professjoni medika u/jew li kkommetta mġieba ħażina professjonali jew li b’xi mod ieħor naqas milli jottempera ruħu ma’ standards professjonali u etiċi applikabbli, mertu dan li per se ma hux se jiddetermina l-ebda obbligu jew dritt ċivili tat-tabib fit-termini ta’ Artikolu 6 u Artikolu 39.

Fl-istess ħin Dr.Spiteri ġie avżat fl-istess att ta’ akkuża maħruġa kontrih illi sejbien ta’ ħtija jista’ jwassal għall kanċellament jew sospensjoni tal-liċenzja tiegħu. Applikabilita’ ta’ Artikolu 6 tal-Konvenzjoni u Artikolu 39 (2) tal-Kostituzzjoni. Proċeduri ta’ Dixxiplina ta’ Korp ta’ Professjonisti.

Il-Qorti qalet li huwa paċifiku li ż-żamma ta’ standards għoljien u għaġir etiku fejn tidħol il-ħidma ta’ professjonisti huma indispensabbli għall-ħarsien tal-interess pubbliku f’soċjeta’ demokratika, indipendentement jekk il-professjonist
jeżerċitax il-professjoni tiegħu fil-qasam mediku, legali, inġinerija u ħafna oħrajn.

Mingħajr kodiċi ta’ etika u standards għoljien is-sistema taf tikrolla; aktar u aktar jekk l-Istat ma jieħux ħsieb li joħloq mekkaniżmi statutorji sabiex mhux biss jirregolaw il-professjonist iżda wkoll fejn hemm bżonn għaġir abbużiv jew mhux etiku jiġi dixxiplinat u sanzjonat inkluż fejn indikat is-sospensjoni jew il-kanċellament tal-liċenzja tal-professjonist.

Dwar l-applikabilita’ tal-Artikolu 6 għall-proċeduri ta’ dixxiplina l-ġurisprudenza tal-QEDB (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem) tagħmel distinzjoni bejn proċeduri ta’ dixxiplina ta’ korp ta’ professjonisti minn awtorita’ ġudikanti statutorja li d-deċiżżjonijiet tagħha,

B’mod partikolari s-sospensjoni jew il-kanċellament tal-liċenzja, jistgħu jiġu appellati quddiem qorti jew awtorita’ ġudikanti oħra li toffri l-garanziji stipulati f’Artikolu 6 u allura huwa miżmum illi l-ewwel awtorita’ ta’ dixxiplina ġudikanti ma hux meħtieġ li tissodisfa l-garanziji mogħtija bl-Artikolu 6; u proċeduri ta’ dixxiplina minn korp ta’ dixxiplina ġudikanti b’setgħat simili.

Fil-fehma tal-Qorti il-Kap. 464 jikser il-jeddijiet fundamentali tad-deputat Nazzjonalista sanċiti bl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni u bl-Artikolu 39 (2) tal-Kostitizzjoni għaliex kuntrarjament għall-dak sottomess mill-Avukat tal-Istat in sostenn tad-disa’ (9) eċċezzjoni tiegħu, mhux minnu li mid-deċiżżjonijiet kollha tal-Kunsill Mediku hemm dritt ta’ appell għall-quddiem il-Qorti tal-Appell.

L-avukati Victor Scerri u Duncan Borg Myatt dehru għat-tabib Stephen Spiteri.