Iċ-ċittadini Ewropej saru aktar konxji tar-riskji u l-konsegwenzi tax-xiri ta’ oġġetti foloz u tal-aċċess għal kontenut minn sorsi illegali.
Dan ħareġ minn studju ppubblikat fit-12 ta’ Ġunju, dwar il-perċezzjoni tal-Ewropej fuq l-abbużi li jsiru minn prodotti u servizzi – studju ippublikat mill-Uffiċju tal-Propjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Skont dan l-istħarriġ, 80% tal-Ewropej jaqblu li oġġetti foloz jimppromwovu organizzazzjonijiet kriminali, filwaqt li jfixklu lin-negozji u jnaqqsu l-impjiegi.
Tnejn minn kull tliet Ewropej jemmnu li l-oġġetti foloz huma ta’ theddida għas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent.
Minkejja dan, wieħed minn kull tliet Ewropej għadhom iqisu li huwa aċċettabbli li jixtru oġġetti foloz – dan meta l-prezz tal-oġġett oriġinali jkun ta’ valur ogħli. Fil-każ ta’ konsumaturi fl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena, din iċ-ċifra tiżdied għal-50%. Tant hu hekk li 26% taċ-ċittadini f’din l-età jirraportaw li xtraw oġġetti foloz intenzjonalment fl-aħħar 12-il xahar.
Jirriżulta wkoll li 45% tal-konsumaturi Maltin sabu ruħhom fid-dubju jekk xtrawx oġġetti foloz, filwaqt li 10% qalu li xtraw oġġetti foloz intenzjonalment.
B’mod ġenerali, l-Ewropej huma kontra l-użu ta’ kontenut illegali, fejn 80% qalu li jippreferu l-użu ta’ sorsi legali biex jaċċessaw kontenut online – jekk ikun hemm għażla bi prezz xieraq disponibbli. Madanakollu, 22% taċ-ċittadini Maltin żvelaw li kellhom aċċess illegali għal kontenut illegali – l-iżjed fejn jidħol l-isport.
//= $special ?>