Internazzjonali

L-Istati Uniti: Midruba fi sparatura wara logħba deċiżiva għall-kampjonat tal-basketball

Talanqas għaxar persuni spiċċaw midruba waqt sparatura ‘li involviet diversi nies’ fil-belt ta’ Denver, fl-Istat ta’ Kolorado.

Il-pulizija li marru fuq il-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni qalu li tlieta fost il-midruba jinsabu ‘kritiċi’ u li l-vittmi l-oħrajn ma kenux f’periklu tal-mewt. Kien anki żvelat li aggressur suspettat ukoll kien spiċċa fost il-midruba u li r-raġel kien qed jinżamm mill-pulizija.

L-isparatura seħħet viċin il-Ball Arena u ftit wara li t-tim tal-basketball lokali – Denver Nuggets – kien rebaħ l-ewwel Kampjonat tal-NBA fl-istorja tiegħu.

Il-Pulizija temmen li kienu sparati diversi tiri waqt ġlieda li nqalgħet bejn numru ta’ individwi u li l-awtoritajiet kienu qed imexxu ‘investigazzjoni kumplikata’.

Jidher ukoll li l-isparatura seħħet kważi erba’ sigħat wara li l-arena żvojtat mis-sapporters tad-Denver Nuggets li ħarġu jiċċelebraw dritt wara r-riżultat. Dan meta, fil-ħin tal-isparatura, kien għad fadal biss ftit tan-nies fil-madwar tal-arena.