Id-dilettanti tal-mużika ta’ The Beatles jinsabu ħerqanin biex jisimgħu l-kontenut ta’ demo – jew cassette – li jipprovdi l-bażi għall-aħħar diska qatt irrekordjata minn dan is-supergroup minn Liverpool.
Min-naħa tiegħu, il-kantant-kompożitur Paul McCartney, wieħed mill-membri ta’ The Beatles, qal li ntużat it-teknoloġija magħurfa bħala AI – jew Artificial Intelligence – biex ‘tinħareġ’ il-vuċi tal-mibki John Lennon mid-demo l-antik għall-produzzjoni finali tad-diska.
John Lennon, l-aktar Beatle kontroversjali u rivali ta’ McCartney, kien inqatel minn raġel ossessjonat li sparalu tiri fatali fi New York, f’Diċembru tal-1980.
McCartney, waqt intervista lill-programm Today tal-BBC Radio 4, qal li d-diska finali tal-grupp għandha toħroġ din is-sena iżda hu ma żvelax l-isem. Fl-istess ħin, l-esperti dwar il-mużika ta’ The Beatles jemmnu li d-diska hi kompożizzjoni ta’ Lennon bl-isem Now And Then u li tmur lura għall-1978.
Il-kompożizzjoni partikulari f’nofs is-snin disgħin kienet ikkunsidrata bħala ‘reunion song’ għal The Beatles u meta l-membri tal-grupp – McCartney, George Harrison (li miet fl-2001) u Ringo Starr kienu qed jikkonkludu l-proġett retrospettiv Anthology bażat fuq dokumentarju, ktieb u sett ta’ double albums.
Dan wara li Paul McCartney, fl-1994, kien irċieva d-demo mingħand Yoko Ono, l-armla ta’ John Lennon u li kien parti minn cassette b’diversi kanzunetti intenzjonat għal McCartney u li l-istess Lennon kien ikkonkluda qabel mewtu.
//= $special ?>

