Lokali Qorti

Ma tintlaqax talba biex il-ġuri jiġi xolt; jixhed l-eks Kummissarju Rizzo

Hekk kif il-ġuri taż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil ta’ Albert Brian Rosso daħal fit-tieni jum tiegħu, il-ġurati t-Tlieta filgħodu ttieħdu fil-post fejn l-aħħar deher il-vittma. Rosso kien deher ħiereġ mill-post tax-xogħol tiegħu fiċ-Ċentru tal-Akwakultura ta’ San Luċjan fl-10 ta’ Ottubru tal-2005, il-ġurnata li fiha kien għeb. Bil-karozza tiegħu tinstab f’Ħal Għaxaq, sebat ijiem wara.

Fl-aċċess, il-ġurati ttieħdu fid-daħla ta’ dan it-torri fejn ġie spjegat lilhom illi Albert Brian Rosso ħareġ minn hemmhekk b’pouch iswed f’idejh. F’dan il-pouch…Rosso kien iżomm pistola, għaliex kien qed jibża’ għal ħajtu. Waqt l-aċċess, il-ġurati ingħataw spjegazzjoni tas-sekwenza tal-fatti kif seħħew 18-il sena ilu.

Preżenti kien hemm ukoll iż-żewġ akkużati – Anthony Bugeja, li kien liebes libsa blu minghajr ingravata, u l-Isqalli Piero Di Bartolo li kien liebes libsa skura. Magħhom kien hemm ukoll preżenti l-avukati tagħhom, Franco Debono, Arthur Azzopardi u Roberto Montalto.

Il-Malti qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Rosso, filwaqt li r-raġel Sqalli qed jiġi akkużat b’kompliċità f’dan id-delitt. Rosso nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar … u l-akkużati allegatament waddbuh il-baħar. Għalkemm il-katavru ta’ Rosso baqa’ qatt ma nstab. Sadanittant f’awla 22 meta kompla jinstema l-ġuri fejn il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiża biex il-ġuri jiġi xolt.

Ritratt: Martin Agius

Il-Qorti ddikjarat li x-xhieda li minn Uffiċjal tal-Pulizija dwar dak li qalet Emanuela Bugeja, l-mara tal-akkużat ma tistax titqies bħala waħda ammissibbli għaliex hi mibnija fuq konġettura jew assunzjoni. Irriżulta li dak li qalet is-Sinjura Bugeja kien ġej minn dak li qalilha terza persuna li l-Avukat Franco Debono rrimarka illi lanqas biss nafu min hi.

Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li dak li qalet f’xhieda kunfidenzjali lill-Pulizija, Bugeja ma tikkostitwixxix prova. Minkejja dan, il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiza li jiġi xolt il-ġuri. Wara l-argumenti tal-Prosekuzzjoni u anke tad-Difiża li damu għaddejjin ftit tal-ħin mhux ħażin, il-Qorti ddeċidiet li tindirizza lill-ġurati u tispjega l-kunċett li konġettura ma tista qatt titqies bħala xhieda li l-ġurati jridu jieħdu kont tagħha.

Rosso kellu laqgħa mal-eks Kummissarju Rizzo ġimgħa qabel ma għeb

Kmieni wara nofsinhar xehed l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Huwa daħal fl-alwa bil-krozzi u ta x-xhieda tiegħu bilqiegħda. Qal li kellu laqgħa ma’ Rosso ġimgħa qabel ma għeb. Qallu li kien qed iħossu mhedded bix-xhud jikkonferma li kien Rosso li fil-fatt kien talab biex jiltaqa’ miegħu u qallu li t-theddid kien ġej minn xi Sqallin u li wara dan it-theddid jista’ jkun hemm ċertu Sebastiano Lupo li kien ukoll sieħeb miegħu fuq lanċa tas-sajd.

John Rizzo qal li l-vittma kien ċempillu qabel ma ltaqa’ miegħu u ddeskrieva l-persuna li kienet qed theddu bħala waħda notorja. Rizzo qal li huwa kien beda investigazzjoni fuq l-għibien tal-vittma u qal li huwa kien ikun infurmat bl-iżviluppi kollha li jkunu qed iseħħu.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija qal li l-vittma tkellem dwar it-theddid f’diversi istanzi, inkluż ma’ martu u anke fuq il-post tax-xogħol. Ikkonferma wkoll li Rosso kien iġorr arma fuqu  minħabba li ħassu mhedded. Rizzo saħaq kif dakinhar li sparixxa xi ħadd kien ħareġ mill-vann tal-vittma, rikeb vettura li qal illi kienet ilha hemmhekk minn dakinhar li Rosso kien ġie nieqes  – u telaq biha mas-sewwieq.

Ix-xhud kien indika li l-vittma kellu tilwima mas-sieħeb u l-eks sieħeb tiegħu fuq kwistjoni ta’ flus, li l-eks sieħeb tal-lanċa kien qed jippretendi li jieħu. Qal li l-aħħar post li deher Rosso kien ħiereġ mix-xogħol f’San Luċjan minn fejn kellu jiltaqa’ ma’ Anthony Bugeja.

Għall-mistoqsijiet tad-Difiża Rizzo qal li Rosso semma’ pulizija Taljan li allegatament tkellem miegħu Rosso dwar attivitajiet illegali u mafjużi, iżda li l-pulizija maltija ma sabuhx lil dan. Qal ukoll li l-vittma ma kienx direttament mhedded izda t-theddid kien jasallu permezz ta’ Anthony Bugeja u mimgħand Piero Di Bartolo.

Rosso kien mhedded minn Sebastiano Lupo li jaħraqlu d-dgħajsa – Eks Direttur tas-Sajd

Xhud ieħor kienet Adriana Fenech Farrugia, Uffiċjal fid-Dipartiment tas-Sajd li miegħu kienet taħdem fl-istess uffiċċju ta’ Rosso. Qalet li Brian Rosso kien magħha fl-Uffiċċju meta ġara l-każ. Rosso fil-fatt kien jaħdem fl-istess uffiċċju magħha.

kompliet li tiftakar li Rosso kien inkwetat ħafna u dakinhar ratu quddiem il-kompjuter b’rasu bejn idejh, iċċassat lejn il-kompjuter meta s-soltu kien ikun pjuttost fuq ruħu. Ikkonfermat li kien ikollu pouch iswed, li kien diġà ssemma t-Tnejn u li fih jirriżulta li kien hemm arma li kien qed iżomm minħabba illi kien qed jibża’ għal ħajtu u s-sigurtà tiegħu. Fenech Farrugia kompliet tgħid li Rosso kien qalilha li qed iċċempillu mara biex jagħti xi flus, fiż-żmien meta kien involut fuq biċċa negozju li titratta dgħajsa.

Wara xehed Dr. Anthony Gruppetta -Direttur Ġenerali tas-Sajd dakinhar li kien seħħ il-qtil ta’ Rosso. Tenna li dakinhar li seħħ l-għibien ċempillu surġent mill-Għassa ta’ Ħaż Żabbar u hu ma aċċettax li jmur għall-ewwel sakemm spjegawlu eżattament fejn kien jinsab Rosso u biex il-pulizija jaraw jekk il-vittma kienx fit-Torri ta’ San Luċjan. Malli ma sabuhx iċċekkjaw il-filmati CCTV fejn kien jidher il-vittma jitlaq mill-post.

Kompla li Rosso kien is-sid tad-Desiree u kellu l-Liċenzja tat-Tkarkir – li huwa tip ta’ sajd. Grupetta qal ukoll li il-vittma kien qed ikollu dizgwid kbir mal-kaptan tal-vapur sakemm daħal imbagħad fix-xena Anthony Bugeja li l-vittma beda jiddiskuti miegħu biex jieħu in-nofs tal-investiment tal-lanċa li kellu Lupo, Kaptan Taljan. Ix-xhed qal illi Brian Rosso kien qed jgħid li Lupo kien qed jheddu li se jerġa’ jiġi lura u jaħraqlu d-dgħajsa.

L-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi qed jidhru għal Bugeja filwaqt li l-Avukat Roberto Montalto qed jidher għal Di Bartolo. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Andrea Zammit filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jidher bħala parte civile fil-każ.