Lokali Qorti

Protest mill-aħwa Degiorgio fuq allegat diskriminazzjoni fil-ħabs

L-aħwa Alfred u Roġer Degiorgio li kienu ġew ikkundannati 40 sena ħabs wara li ammettew li kkommettew il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jallegaw li qed issir diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom fil-ħabs u li qed jingħataw trattament differenti minn priġunieri oħra.

Fi protest li ġie ppreżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-aħwa Degiorgio qalu li huma suġġetti għat-trattament diskriminatorju fil-konfront tagħhom ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Qalu li jirriżulta li waqt li l-priġunieri kollha jingħataw l-opportunità, tal-inqas darbtejn fis-sena, li jingħataw il-prison leave biex ikunu jistgħu jżuru qraba morda jew jattendu għal xi okkażjoni ta’ qraba tagħhom.

Fil-każ ta’ Alfred Degiorgio, dan qed jiġi mċaħħad milli jingħata dan il-prison leave,  b’differenza tal-priġunieri l-oħra kollha, irrispettivament mill-akkużi jew kundanni li tali detenuti oħra jista’ għandhom. Il-protest jgħid li r-rifjut tal-għoti tal-prison leave mhuwiex biss diskriminatorju.

Dan meta tqis li fl-okkażjoni li kien talab aktar kmieni din is-sena Alfred Degiorgio kienet waħda li kull priġunier ieħor jingħata li jmur, iżda anke inuman u bi ksir ta’ drittijiet fondamentali tal-bniedem meta l-istess Alfred Degiorgio reġa’ ġie rifjutat prison leave biex iżur lil ħuh minħabba raġunijiet mediċi fejn dan ma jistax jallontana ruħu mid-dar, kif wara kollox ġie verifikat mill-awtoritajiet tal-ħabs.

Il-protest jgħid li kemm id-Direttur tal-ħabs kif ukoll il-Board ma jridu jagħtu l-ebda spjegazzjoni għal dan ir-rifjut, u allura hija ċara li r-raġuni għal tali rifjut qed tinżamm moħbija għaliex mhix waħda ġusta. Ingħad ukoll li huwa tassew ironiku li l-Principal Forensic Psychologist Kevin Sammut Henwood  għadu kif ippubblika rapport dettaljat dwar il-ħabs.

Hu rrapporta li fost affarijiet oħra se jsiru sforzi mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex il-priġunieri iqarrbuhom lejn il-qraba tagħhom, mentri fil-każ partikolari ta’ Alfred Degiorgio qed jittieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra dan is-suppost sforz li għandu jsir, għaliex qed jaqtgħuh mill-possibilità li jkun qrib tal-aktar familjari mportanti f’ħajtu.

Wieħed jistaqsi x’jiswa’ li l-Psikologu Forensiku Prinċipali jiddereġi rapport ta’ kif għandhom jiġu trattati l-priġunieri, u d-Direttur tal-ħabs jaġixxi bil-kontra fil-konfront ta’ Alfred Degiorgio. Il-protest jgħid li aktar minn hekk l-aħwa Degiorgio qed jinżammu f’diviżjoni 5 tal-ħabs fejn qed jiġu mċaħħda minn diversi privileġġi li jingħataw lill-priġunieri oħra, bħal ma hu xogħol u l-librerija.

Dan ukoll huwa trattament inuman u diskriminatorju, u ma jsib l-ebda ġustifikazzjoni kemm legali kif ukoll morali. Għaldaqstant l-aħwa Degiorgio qegħdin jitolbu lill-Qorti biex jikkunsidraw t-talba ta’ Alfred Degiorgio biex iżur lil ħuh, u li ma jkomplux jiġu mċaħħda milli jingħataw prison leave u jitneħħew minn Division 5, jew ta’ l-inqas jingħataw l-istess privileġġi li għandhom priġunieri oħra fid-diviżjonijiet l-oħra. Il-protest kien iffirmat mill-avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri.