Enerġija Lokali

Rapport li jikkonferma serqa ta’ miljuni ta’ ewro fil-proġett tal-windfarms tal-Montenegro

Rapport uffiċjali jikkonferma serqa ta’ miljuni ta’ ewro mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi wara li d-dokumenti uffiċjali tax-xiri tal-windfarms fil-Montenegro juru li dawn inxtraw għal €3.5miljun; iżda l-Enemalta kienet ħallset €10.3 miljun.

Dan sar maghruf wara li t-Times rebħet battalja legali sabiex jiġi ppubblikat ir-rapport sħiħ dwar il-proġett kontroversjali tax-xiri tal-windfarms fil-Montenegro – rapport li juri li fil-proġett tal-windfarms kien hemm informazzjoni żbaljata, e-mails imħassra, nuqqas ta’ koperazzjoni, kunflitt ta’ interess u diversi nuqqasijiet oħra.

Dan ir-rapport intern li kien sar mid-ditta Mamo TCV juri li l-Enemalta ma kkoperatx sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa. Dan wara li l-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli – li waqt dan il-ftehim kienet konsulenta ta’ Konrad Mizzi – qalet biċ-ċertezza kollha li l-Enemalta kkoperat b’mod sħiħ.

Miriam Dalli baqgħet tiddefendi d-deċiżjoni sabiex dan ir-rapport ma jiġix ppubblikat bi skuża li kienu għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet. Iżda sal-lum…jidher li l-Pulizija għadhom ma għamlu assulutament xejn fuq dan l-iskandlu.

Ir-rapport wera li l-eks Ministru Konrad Mizzi kien il-moħħ wara dan kollu u li kien hu li ppreżenta dan il-proġett quddiem il-bord tal-Enemalta. Hawnhekk, ir-rapport ikkundanna l-aġir tal-Enemalta li daħlet għal dan il-proġett b’għajnejha magħluqin.

Il-windfarms kienu nxtraw ftit ġimgħat qabel mill-kumpanija Cifidex għal €2.9 miljun. Id-direttur ta’ din il-kumpanija kien Turab Musayev – ħabib tan-negozjant Yorgen Fenech. L-Enemalta minn naħa tagħha ħallset it-tripplu għal dawn l-istess windfarms preċiżament €10.3 miljun … fejn €4.6 miljuni marru fil-but ta’ Yorgen Fenech, għand il-kumpanija 17 Black.

Turab Musayev u Yorgen Fenech kienu wkoll diretturi tal-konsorzju Electrogas…l-istess konsorzju li ntagħżel għal power station tal-gass f’Delimara.

Iżda minn naħa l-oħra r-rapport juri li allegatament l-Enemalta ma kinitx taf min kien is-sid ta’ Cifidex. U għalhekk, il-fatt li l-bord tad-diretturi fi ħdan l-Enemalta ma kienx konxju b’dan il-kunflitt ta’ interess jitfa’ d-dawl fuq il-fatt li qatt ma sar due diligence kif suppost.

Misteru ieħor huwa l-fatt li fid-dokument uffiċjali hemm imniżżel prezz b’ieħor – hekk kif il-prezz iddikjarat fil-Montenegro kien ta €3.5 miljun iżda l-Enemalta kienet ħallset €10.3 miljun.

Barra minn hekk, il-membri ma kinux jingħataw indirizz elettroniku uffiċċjali u għalhekk il-kumpanija li ħadmet fuq dan ir-rapport qatt ma ngħatat dawn l-e-mails kif ukoll informazzjoni ferm limitata minn naħa tal-Enemalta.

Ir-rapport irrimarka li fl-Enemalta kien hemm nuqqas kbir ta’ policies relatati ma proċessi ta’ investimenti partikolari. U allura dan ifisser li ma kien hemm l-ebda proċeduri fis-seħħ.

B’riżultat ta’ dan ir-rapport, l-Enemalta ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tintroduċi diversi policies ġodda inkluż policy kontra l-ħasil tal-flus.

Apparti dan kollu, fattur ferm inkwetanti huwa li dan ir-rapport kien konkluż fl-2021 u allura dan ifisser li dan ir-rapport kien ilu f’idejn il-Pulizija għal sentejn sħaħ. Sentejn illi fihom il-Pulizija ma ħaditx passi fil-konfront ta’ dawk involuti f’dan il-proġett fejn għal darba oħra l-poplu ġie misruq il-miljuni ta’ ewro.