Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-kundizzjonijiet għal remote working fil-“Manual on work Life Balance measures” jitjiebu u mhux ixekklu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kollha. Illum, dan il-manwal ixejjen l-wegħdiet fierħa li saru minn Robert Abela u l-Partit Laburista tliet darbiet fil-Manifest Elettorali u juri li għal darb’oħra Robert Abela daħak bil-ħaddiema.
Pereżempju, fil-manwal kif inhu llum, l-ammont allokat għar-remote working hu biss ġurnata fil-ġimgħa, bil-kundizzjonijiet biex dan jiżdied huma diskriminatorji. Fil-fatt, dan l-ammont jiżdied biss għall-ħaddiema bit-tfal taħt is-16-il sena jew li jikkuraw lill-anzjani. Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li r-remote working allokat fil-ġimgħa jiżdied sa minimu ta’ jumejn fil-ġimgħa u jiżdied aktar fejn dan hu permessibbli min-natura tax-xogħol.
Hu b’hekk li titjieb il-kwalità tal-ħajja u jkun garantit aktar bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja. Iżda mhux biss. Dawn il-miżuri jtejjbu l-effiċjenza u l-produttività billi, fost oħrajn, jitnaqqas it-traffiku.
M’hemm l-ebda evidenza li turi li dan għandu jibqa’ biss ġurnata fil-ġimgħa. Fil-fatt, f’Mistoqsijiet Parlamentari, il-Partit Nazzjonalista talab jekk sarx studju biex ikun stabbilit kienx hemm tnaqqis fil-produttività jew effiċjenza tal-ħaddiema meta żdied ir-remote working, bit-tweġiba kienet le.
Biex jkompli jiggrava s-sitwazzjoni, fit-tweġiba għall-Mistoqsijiet Parlamentari, Robert Abela ammetta li “l-Manual on Work Life Balance Measures” japplika għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, b’aġenziji u entitajiet huma liberi li jużaw partijiet minnu jew jużawh fit-totalità tiegħu “skont l-esiġenzi partikolari tagħhom”.
Dan ifisser li m’hemm l-ebda obbligu biex id-dritt tal-ħaddiema li jaħdmu bi flessibbiltà jkun rispettat. Kulħadd jagħmel li jfettillu u li jaqbillu, bil-Gvern Laburista jkompli jżid id-diskriminazzjoni fost il-ħaddiema, min iva u min le.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-manwal għandu jkun revedut biex ma jkunx diskriminatorju bejn il-ħaddiema u biex il-manwal japplika wkoll għall-aġenziji u l-entitajiet kollha fis-servizz, kif ukoll tiżdied l-allokazzjoni u tinħoloq inizjattiva biex ngħinu b’mod tanġibbli lis-settur privat billi jintroduċi u jiżdied ir-remote working.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex malajr kemm jista’ jkun jagħmel dan.
Dan kollu ħareġ fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista mid-Deputati Claudette Buttigieg, Graziella Attard Previ, Ivan Castillo kif ukoll mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>