Sport Sport Ieħor

Snooker – Kampjonat Ewropew Albena, Bulgarija: Erba’ rebħiet minn ħamsa għal Malta

Illum waqt id-disa’ jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, il-Bulgarija ingħata bidu għall-kompetizzjoni tat-timijiet li huma maqsumin f’żewġ kategoriji, tal-irġiel u tal-irġiel seniors. L-erba’ timijiet Maltin kellhom bidu ferm tajjeb meta rebħu erba’ logħbiet minn ħamsa li lagħbu fihom. F’din il-fażi l-ħames frames jintlagħbu kollha peress li kull tim ikollu medja għal kull frame li jirbaħ u wara li tintlagħab il-fażi tal-gruppi dan jiddetermina minn jikkwalifika għall-fażi tan-knock out.

L-ewwel tim tal-irġiel ta’ Malta, iffurmat minn Aaron Busuttil u Isaac Borg, rebħu 3-2 kontra l-ewwel tim ta’ Franza kompost minn Niel Vincent u Nicolas Mortreux. Ir-rebħiet ta’ Malta waslu wara ż-żewġ rebħiet ta’ Isaac Borg u l-logħba tad-doubles.

It-tieni tim Malti tal-irġiel, dak ta’ Chris Peplow u Joseph Casha kellhu żewġ logħbiet illum peress li l-grupp tagħhom huwa iffurmat minn ħames timijiet. Minn żewġ logħbiet huma kisbu rebħa fl-ewwel logħba pero’ tilfu aktar tard wara nofsinhar.

Filgħodu huma rebħu kontra l-ewwel tim tal-Irlanda rrappreżentati minn Greg Casey u Noel Landers. Ir-rebħiet tat-tim Malti kienu żewġ frames li rebaħ Chris Peplow u rebħa ta’ Joseph Casha, li fiha għalaq il- frame bi break ta’ 95 punt. Malta momentarjament kienet 2-1 minn taħt iżda Casha u Peplow rebħu l-aħħar żewġ frames għal skor finali ta’ 3-2.

Aktar tard il-koppja Peplow u Casha tilfu 4-1 kontra l-ewwel tim tal-Polonja kompost minn Mateusz Baranowski u Antoni Kowalski. Peplow fetaħ b’rebħa fl-ewwel frame iżda l-Polakki rebħu l-erba’ frames l-oħra.

Fil-kategorija tas-seniors l-ewwel it-tim Malti, dak ta’ Alex Borg u Duncan Bezzina rebħu kontra t-tieni tim tal-Belġju ta’ Rene Hemelsoet u Patrick Geysels. Borg u Bezzina rebħu l-ewwel tliet frames iżda Borg tilef ir-raba’ frame bl-aħħar boċċa sewda. Bezzina rega’ kompla jżid il-vantaġġ għal punteġġ finali ta’ 4-1. Bezzina fit-tieni frame għalaq bi break ta’ 80 punt.

It-tim l-ieħor tas-Seniors ta’ Malta kompost minn Philip Ciantar u Arthur Cachia wettqu rebħa kontra t-tieni tim ta’ Wales iffurmat minn David Hooper u Khurram Khan. Sar-raba’ frame it- ltim Malti kien diġa rebaħ il-konfront wara ż-żewġ rebħiet ta’ Ciantar u l-logħba tad-doubles iżda l-aħħar frame intrebaħ minn Wales għal skor finali ta’ 3-2.

Wara l-ewwel gurnata ta’ din il-kompetizzjoni tat-timijiet Joseph Casha u Duncan Bezzina huma l-plejers li s’issa wettqu l-akbar breaks fil-kategorija rispettiva tagħhom.

Għada, l-Erbgħa, t-timijiet Maltin jilagħbu logħba waħda. Il-logħbiet kollha ser jintlagħbu fis-sessjoni ta’ filgħodu, fid-9am ħin ta’ Malta.

L-iskeda tal-logħob hija din;

Aaron Busuttil u Isaac Borg (Malta 1) vs Ukranja 1

Chris Peplow u Joseph Casha (Malta 2) vs Bulgarija 2

Alex Borg u Duncan Bezzina (Malta Seniors 1) vs Ingilterra 1

Philip Ciantar u Arthur Cachia (Malta Seniors 2) jilagħbu vs Belgium 1.