Wara li f’Marzu li għadda saret il-51 edizzjoni ta’ Spring International Archery Tournament f’pajjiżna, fit-3 ta’ Ġunju l-Archery Association of Malta telgħet bit-tim Nazzjonali Malti fil-villaġġ ta’ Artena, l-Italja għal kamp ta’ taħriġ li kien jikkonsisti wkoll f’żewġ kompetizzjonijiet separati li saru fl-S.S. Lazio Archery.
L-arċiera fil-kategorija tal-Compound sparaw fuq 50 metru, filwaqt li tal-Olympic recurve sparaw fuq 70 metru fil-jumejn ta’ kompetizzjoni.
L-ewwel ġurnata rat lil Brian Micallef fl-ewwel post fid-diviżjoni Compound Men b’653 punt, l-aħjar skor personali tal-istaġun. Wara li fil-passat kellu suċċessi f’team events, din kienet l-aħjar prestazzjoni individwali għal Micallef. B’646 punti, Jeremy Bartolo spiċċa fit-tieni post wara Micallef, bi prestazzjoni mill-aqwa fl-ewwel avveniment internazzjonali tiegħu wara li biddel il-kategorija tal-qaws aktar kmieni din is-sena. It-Taljan Andrea di Cori spiċċa fit-tielet post b’645 punt, punt biss bogħod minn Bartolo.
Fil-kategorija tan-nisa, il-Maltija Michelle Abela spiċċat fit-tieni post b’534 punt wara Anna Grazyna Kozubik li spiċċat fl-ewwel post b’601 punt.
Il-ġurnata ġiet fi tmiemha bit-tim Malti kompost minn Brian Micallef, Jeremy Bartolo u Daniel Schembri jispiċċa fl-ewwel post fit-Team Round b’1,934 punt.
It-tieni ġurnata rat kompetizzjoni ġdida, b’ammont akbar ta’ arċiera b’bosta minnhom ġejjin minn Reġjuni differenti fl-Italja. Fil-Compound Men, Antonio Alessi u Valerio di Lazzaro spiċċaw fl-ewwel u t-tieni post b’683 u 676 punt rispettivament. Dawn kienu żewġ prestazzjonijiet ta’ kalibru għoli anke meta wieħed jikkunsidra l-kundizzjonijiet tat-temp fejn f’waqtiet ix-xemx kienet qawwija, u aktar tard anke qam ir-riħ u xi ħalbiet tax-xita.
Jeremy Bartolo kklasifika fit-tielet post b’670 punt, it-tieni l-aqwa riżultat għalih dan l-istaġun.
Di Lazzaro kklasifika wkoll fit-tielet post f’Marzu li għadda hawn Malta meta sar is-Spring International Archery Tournament.
Fit-tieni ġurnata wkoll, Michelle Abela rat titjieb fil-prestazzjoni tagħha mill-ewwel ġurnata, fejn ġiet fl-ewwel post fl-Olympic Recurve tan-nisa b’586 punt. Iż-żewġ Taljani Giorgia di Nardo u Roberta Vacca spiċċaw fit-tieni u t-tielet post b’483 punt u 468 punt rispettivament.
Il-Compound Team tal-Irġiel spiċċa fl-ewwel post b’1,944 punt b’dan it-tim kien jikkonsisti minn Jeremy Micallef, Daniel Schembri u Karl Cutajar, b’din tkun it-tieni rebħa għat-tim Malti.
Fi stqarrija l-Archery Association of Malta qalet li tinsab kburija bir-riżultati miksuba mill-atleti membri tagħha u li qed tagħmel minn kollox biex tkompli ttejjeb dawn ir-riżultati f’kompetizzjonijiet internazzjonali filwaqt li tkompli togħlli l-livell lokali.
Id-delegazzjoni kienet immexxija mill-kowċ John Schembri li pprepara wkoll lill-atleti qabel marru l-Italja.