Kai Azzopardi u Danica Bonello Spiteri żammew it-titli ta’ Champion Nazzjonali Sprint Triathlon, meta l-Birkirkara St. Joseph Sports Club organizza l-Kampjonati fis-Salina.
Taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon u Corsa, il-Kampjonati Nazzjonali Triathlon Sprint attiraw taħlita ta’ triathleti ta’ esperjenza, promettenti u ġodda fix-xena lokali.
Kai Azzopardi kien l-ewwel triatleta li ħareġ mill-għawma ta’ 750 metru, u żamm postu fuq quddiem b’distakk komdu. Daħlu warajħ fiż-żona tat-transizzjoni Nicholas Sammut, Ryan Muscat u Keith Galea, dawn l-aħħar tnejn b’distakk minimu bejniethom.
Azzopardi li ħareġ l-ewwel mit-transizzjoni żamm vantaġġ tajjeb, iżda Galea kien determinat li jiġġieled ukoll għat-titlu. Ryan Muscat u Josef Azzopardi kienu wkoll determinati li jiksbu post mal-ewwel tlieta. Azzopardi żamm il-vantaġġ sal-aħħar, fejn kiseb it-titlu f’59 minuta u 18-il sekonda (59:18), titjib sostanzjali fuq il-ħin tas-sena l-oħra ta’ 1:02:04.
Keith Galea daħal fit-tieni post qabel Ryan Muscat. Maya Schembri Rogers kienet l-ewwel mara li ħarġet mill-għawma b’vantaġġ fuq Danica Bonello Spiteri u Keira Attard.
Inċident żgħir fuq ir-rota ra lil Schembri Rogers titlef il-vantaġġ li kellha fuq Bonello Spiteri. Minkejja dan Bonello Spiteri waqfet biex tassisti lil Schembri Rogers u tiżgura li setgħet tkompli ttellaq. Bonello Spiteri ħarġet rebbieħa wara li l-vantaġġ li kisbet fir-rota żammithu sal-aħħar.
Fit-tielet post temmet Keira Attard. Il-midalji lir-rebbieħa kienu ppreżentati mill-Membru tal-Bord tal-Birkirkara St. Joseph Joseph Farrugia u s-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon Warren Muscat.
Il-Club organizza wkoll kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ, fejn l-ewwel tlieta li temmew fit-tliet Kategoriji kienu Kruiven Farrugia, Oliver Buccheri u Mickaya Fava (Kategorija 1), Neil Cassar, Leo Buccheri u Jake Refalo (Kategorija 2) u Aiden Muscat, Zija Fujii u Nathan Pace (Kategorija 3).