Bnadar mezz’asta u jum ta’ luttu nazzjonali. Kienet din l-atmosfera li dwiet madwar l-Italja kollha hekk kif għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar beda l-funeral statali tal-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi fid-Duomo ta’ Milan.
Fuq quddiem nett il-ħames uliedu, is-sieħba tiegħu Marta Fascina kif ukoll ħuh Paolo Berlusconi.
Fost l-1,800 personalita li kienu preżenti għall-funerali, kien hemm il-President Taljan Sergio Mattarella u l-Prim Ministri Giorgia Meloni. Preżenti wkoll diversi Kapijiet ta’ Stat u mexxejja tal-Partiti Politiċi Taljani kif ukoll dawk barranin. Fost l-oħrajn kien hemm il-Prim Ministru Albaniż Viktor Orban u l-Emir tal-Qatar Tami bin Hamad. Fiċ-ċerimonja ħadu sehem ukoll diversi Ministri tal-Affarijiet Barranin u Ambaxxaturi kif ukoll il-President tal-PPE Manfre Weber.
Preżenti wkoll bosta personalitajiet Taljani li ħadmu mill-qrib ma’ Silvio Berlusconi fosthom Maria De Filippi, Gerry Scotti, llary Blasi u Silvia Toffanin.
Fil-pjazza intramaw żewġ full screens għal dawk kollha li nġabru sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil Silvio Berlusconi… folla li jidher li laħqet l-għaxart elef ruħ… kollha f’għajta waħda ta’ “C’e solo un Presidente”.
It-tebut ta’ Berlusconi telaq minn waħda mir-residenzi privati tiegħu f’Arcore fil-provinċja ta’ Monza.
Berlusconi miet nhar it-Tnejn li għadda kaġun ta’ lukemia. Hu kellu 86 sena.
//= $special ?>