Jerġa’ joħroġ b’mod ċar kemm il-Gvern ta’ Robert Abela jimpurtah biss minnu nnifsu u mhux mill-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan hekk kif il-Gvern ħareġ kontra l-abbozz li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista biex l-ambjent jiddaħħal bħala dritt fundamentali difiż mill-Kostituzzjoni Maltija.
Fl-aħħar jiem, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg ikkritikat dan l-abbozz għax skont hi, dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista ‘diġà jeżisti’. Meta dan mhuwiex vera.
F’intervista li saritilha waqt il-programm Xtra, Buttigieg qalet li dan id-dritt diġà ddaħħal fil-kostuzzjoni fl-2018. Iżda li naqset milli ssemmi kien li bħalissa fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, il-protezzjoni tal-ambjent tissemma f’parti li mhix infurzabbli, f’Kapitlu 2 tad-Dikjarazzjonijiet.
Tant li l-Qorti kienet iddeċidiet li din is-sezzjoni tal-Kostituzzjoni ma tkunx infurzabbli, imma huma biss dikjarazzjonijiet tal-Istat.
Bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista, id-dikjarazzjoni se tibqa’ hemm, imma se tiżdied din il-liġi ġdida ‘parti infurzabbli taħt Kapitlu – 4 li jinkludi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Din hi s-sezzjoni tal-ligi fejn l-Istat jista’ jigi mfittex minn kull ċittadin Malti u Għawdxi jekk jaġixxi kontra l-ambjent.
Filfatt jekk wieħed jara l-lista li tinsab taħt Kapitlu 4, li hija l-lista tad-drittijiet fundamentali li għandu kull ċittadin, jinnota li l-ambjent mhu msemmi mkien.
L-abbozz li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jinkludi l-ambjent bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem fejn kull ċittadin jista’ jieħu passi l-Qorti f’każ li ma jkunx rispettat dan id-dritt. U biex tgħaddi din il-liġi se jkollha bżonn l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament, minħabba li se tkun qed tinbidel il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
//= $special ?>