Futbol Sport

Ħames plejers ta’ Manchester City jingħaqdu mal-kumplament tal-iskwdara Ingliża

Il-plejers ta’ Manchester City, rebbieħa tat-Treble ingħaqdu mal-iskwadra tal-Ingilterra lbieraħ bi tħejjija għall-partiti ta’ kwalifikazzjoni li jmiss għall-Euro 2024.

Id-difensuri Kyle Walker u John Stones u l-midfielders Kalvin Phillips, Phil Foden u Jack Grealish ingħaqdu mal-bqija tal-grupp f’Saint George’s Park.

Fis-sigħat ta’qabel l-istess plejers ta’ Manchester City iċċelebraw ir-rebħa taċ-Champions League b’parata tradizzjonali fil-karozza tal-linja miftuħa li għaddiet mit-toroq ewlenin ta’ Manchester.

L-Ingilterra tilgħab kontra Malta, fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali nhar il-Ġimgħa filgħaxija.

Il-kumplament tal-iskwadra ta’ 25 plejer tal-Ingilterra bdiet il-preparazzjoni għal partita kontra Malta f’ St George’s Park nhar il-Ħadd, għalkemm id-difensur Lewis Dunk irtira b’injury u l-midfielder Jude Bellingham jidher li mhux se jirkupra mill-injury li għandu.

Wara l-partita ta’ nhar il-Ġimgħa kontra Malta, l-Ingilterra tilgħab kontra l-Maċedonja ta’ Fuq f’Old Trafford nhar it-Tnejn.

It-tim ta’ Gareth Southgate jinsab fil-quċċata ta’ Grupp Ċ wara li f’Marzu rebaħ l-ewwel żewġ partiti ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024 kontra l-Italja u l-Ukrajna.