Goran Stojanovski li huwa mill-Maċedonja ġie kundannat ħames snin ħabs mill-Maġistrat Astrid May Grima wara li nstab ħati li ħames snin ilu attakka żewġ ħaddiema ta’ pool ta’ lukanda f’San Ġiljan b’pepper spray u seraqhom. Il-prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Joseph Mercieca qalet li s-serqa seħħet fit-12 t’Awwissu tal-2018 fil-Corinthia Lido max-xatt ta’ San Ġorġ.
Stojanovski ta’ 46 sena, instab ħati li dakinhar seraq flus kontanti, żamm żewġt irġiel kontra l-volontà tagħhom u li weġġagħhom ħafif. Instab ħati wkoll, li kien qed iġorr u uża pepper spray. Mix-xhieda rriżulta li s-serqa saret waqt li ż-żewġ impjegati kienu qed jgħoddu l-flus biex jagħlqu, f’uffiċċju biswit il-Lido.
Il-Qorti sabet ukoll lil Stojanovski ħati ta’ ffalsifikar ta’ dokumenti. Huwa ma nstabx ħati u dan fuq nuqqas ta’ provi li f’Awwissu ta’ ħames snin ilu wettaq serqa oħra minn spiżerija f’Dawret il-Gżejjer, f’Buġibba. Mal-piena ta’ ħabs, Stojanovski ġie mmultat €1,000 u ġie ordnat iħallas €4,600 fi spejjeż tal-Qorti.
Wara li kien wettaq ir-reat l-imputat kien telaq minn Malta u wara talba għall-mandat ta’ arrest Ewropew hu kien ġie arrestat fil-Polonja u ġie estradit lejn Malta fis-26 ta’ Diċembru, 2018 u tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.
Mhix-xhieda mogħtija mill-vittmi, jirriżulta z-zewg impjegati tal-Lido kien daħal fuqhom l-imputat, li kien liebes beritta u nużżali tax-xemx skur, fejn l-istess imputat heddihom, uża ‘pepper spray’ fuqhom u wara ħatfilhom il-flus, u telaq jiġri il-barra mill-istess uffiċċju.
Ix-xhieda qalu illi l-imputat kien irnexxielu jieħu bejn €500 u € 600, u dan peress illi kien hemm ammont ta’ flus ohra li waqgħu ma’ l-art waqt il-kommossjoni li nqalgħet meta’ dawn ġew aggrediti mill-imputat. Iż-żewg xhieda għarfu lil imputat fl-awla bhala l-aggressur.
Minn stills meħuda minn filmati li nġabru minn CCTV’s fil-viċinanzi ta’ dan l-uffiċċju, juru ċar lil istess imputat liebes il-beritta u n-nuċċali deskritti u misjuba fuq ix-xena tar-reat, kif ukoll juru lil istess imputat b’mod ċar mingħajr in-nuċċali u l-beritta.
//= $special ?>

