Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Sinjali ta’ avvanzi mill-Ukreni waqt il-kontro-offensiva l-kbira

Il-kontro-offensiva kbira tal-Gvern Ukren  fuq iz-zoni (ta’ pajjiżu) okkupati mill-qawwiet Russi s’issa rriżultat f’battalji ħorox għall-aħħar li qegħdin jissarrfu f’livell għoli ta’ ħajja mitlufa fuq kull naħa.

U waqt li l-Ukreni qed jitkellmu dwar l-avvanzi fuq numru ta’ fronti, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, insista li l-manuvri militari tal-Ukreni qed ifallu u li l-Armata ‘tal-għadu’, skont hu, kienet qed issofri telfiet sostanzjali minn siegħa għall-oħra.

Min-naħa tagħhom, l-Ukreni qalu li kienu viċin li jaħtfu lura aktar villaġġi wara li okkupaw mill-ġdid talanqas seba’ zoni ewlenin fir-reġjun ta’ Donetsk, fil-lvant tal-Ukrajna.

Il-Viċi-Ministru tad-Difiża tal-Ukrajna, Hanna Maliar, qalet li t-truppi ta’ pajjiżha, fl-aħħar sigħat, avvanzaw mijiet ta’ metri eqreb ta’ Bakhmut – il-belt Ukrena tal-lvant li għal din l-aħħar sena rat l-agħar battalji tal-gwerra, Intant, Maliar kompliet li għaddejjin ukoll il-battalji ħorox fil-madwar ta’ Zaporizhzhia – bis-sorsi qrib il-Gvern Ukren isostnu li  l-militar tagħhom, irnexxielu jagħmel il-kisbiet sinifikanti anki fuq dan il-front.

Sadanittant, il-gwerra ta’ Vladimir Putin qed tolqot lil aktar ċivili fl-Ukrajna, bi tlieta jmutu waqt attakk relattivament rari tal-qawwiet Russi fuq il-port ta’ Odesa, li jmiss mal-Baħar l-Aħmar. Dan meta anki nqatlu ċ-ċivili waqt attakki oħra tar-Russi fuq diversi bnadi ta’  Donetsk.

Filwaqt li d-difiżi tal-Ukreni f’Odesa rnexxielhom iwaqqgħu ħafna fost il-missili u d-drones sparati lejn l-inħawi, hu minnu li xi missili tar-Russi laqtu diversi bini, li jinkludu maħżen, ristoranti u ħwienet. Il-port ta’ Odesa għandu importanza kbira għaliex hu proprju l-port minfejn l-Ukrajna qed tesporta l-qmuħ mir-rotta tal-Baħar l-Aħmar lejn il-pajjiżi tal-Ewropa.