Futbol Sport

Il-Kroazja fil-finali tal-UEFA Nations League

(Ritratt: EPA)

Il-Kroazja saru l-ewwel tim li avvanzaw għall-finali ta’ nhar il-Ħadd meta wara l-ħin barrani għelbu lill-Olanda 4-2.

F’partita mill-isbaħ kienu l-Olanda li marru fil-vantaġġ fl-34 minuta meta wara li rċieva mingħand Mats Wieffer, kien Donyell Malen li għamel l-iskor 1-0. Il-Kroazja wettqu reazzjoni fit-tieni taqsima, u fil-55 minuta ngħataw penalty meta Cody Gakpo deher jiġbed il-flokk ta’ Luka Modric fil-kaxxa. Minn ħdax-il metru, Andrey Kramaric għeleb lil Justin Bijlow.

Il-Kroazja, komplew ikunu aktar avventurużi u skorjaw il-gowl li poġġijhom fil-vantaġġ fit-73 minuta, meta kien Mario Pasalic li b’konklużjoni bix-xellug għamilhom 2-1. Bil-partita dehret li se tintemm f’rebħa għall-Kroazja, l-Olanda kellhom ħsibijiet oħra u ħallew għall-aħħar sekondi meta kien is-sostitut Noa Lang li kkonkluda fuq żball ta’ Martin Erlic.

Bil-partita tmur għall-ħin barrani, l-Kroazja marru għal darb’oħra fil-vantaġġ fit-98 minuta meta b’konklużjoni mid-distanza, Bruno Petkovic għeleb lil Bijlow. Il-Kroazja aċċertaw minn post fil-finali fil-116-il minuta meta Tyrell Malacia waqqa lil Bruno Petkovic fil-kaxxa. Minn ħdax-il metru l-captain Luka Modric ma żbaljax għal skor finali ta’ 4-2.