Lokali

“Il-Qorti ddeċidiet li l-Avukat Ġenerali ma qalitx is-sewwa” – Repubblika

Wara s-seduta fil-Qorti lbieraħ, fil-kawża ta’ REPUBBLIKA kontra l-AVUKAT ĠENERALI dwar l-impunità lill-kriminali tal-Bank Pilatus, fejn fiha l-Qorti ordnat li l-kawża tinstema fil-miftuħ u mhux iktar bil-bibien magħluqa kif riedet l-Avukat Ġenerali, REPUBBLIKA tagħmel dawn l-osservazzjonijiet għall-konsum pubbliku:

1. Kien f’Diċembru li għadda li l-Avukat Ġenerali rċeviet ittra mill-Arbitraġġ Internazzjonali f’Hong Kong li Ali Sadr Hasheminejad, is-sid tal-Bank, fetaħ kontra Malta.

2. L-Avukat Ġenerali żammet din l-ittra moħbija sas-16 ta’ Marzu li għadda meta ppreżentatha fil-Qorti.

3. L-Avukat Ġenerali qalet li dik l-ittra kienet turi li Malta u l-Qorti huma marbuta li ma jsir xejn fil-pubbliku in-konnessjoni ma’ Ali Sadr Hasheminejad u l-Bank.

4. REPUBBLIKA dakinhar ta’ dik is-seduta, permezz tal-avukat tagħha, oġġezzjonat bis-saħħa u qalet li l-Avukat Ġenerali kienet qalet kelma b’oħra għax l-ittra tal-Arbitraġġ ma kinitx qed tgħid dak li qalet l-Avukat Ġenerali.

5. Dakinhar tas-16 ta’ Marzu, il-partijiet argumentaw b’qilla. REPUBBLIKA riedet il-ftuħ. L-Istat ried il-ħabi.

6. Ilbieraħ il-Qorti ddeċidiet. Iddeċidiet li l-Avukat Ġenerali ma qalitx is-sewwa u li REPUBBLIKA kienet korretta.

7. B’hekk ilbieraħ il-Qorti qalet hekk: “Illi minn din l-ittra jidher li qed issir kjarifika dwar kif, u minn min, għandha tingħata publiċita lill-eventwali deċiżjoni tat-tribunal (the award) f’l-arbitraġġ li għalih qed tirreferi. Din l-ittra pero’ la hija deċizjoni tat-tribunal tal-ICSID u lanqas ma tista’ titqies bħala xi deċiżjoni li qed torbot lill-Qrati Maltin dwar kif għandha tirregola s-smiegħ fil-proċeduri odjerni.”

8. REPUBBLIKA tinnota li l-Avukat Ġenerali trid tappella għax għadha trid il-ħabi. Trid tibqa’ tmeri s-sewwa magħruf.

9. REPUBBLIKA sodisfatta li lbierah kisbet rebħa ta’ prinċipju importanti. Pass żgħir ieħor ‘il quddiem biex intom tkunu tafu l-verità dwar Bank li kien magna tal-ħasil tal-flus.

10. Baqa’ ħafna passi xi jsiru. It-triq hija twila. Għat-telgħa. Pero REPUBBLIKA ttenni li iktar ma tkun wieqfa t-telgħa ikbar ħa tkun id-determinazzjoni tagħha li tegħleb il-konġura ta’ interessi maħmuġin li ma jridukomx tkunu tafu l-verità.