Lokali Sport Sport Ieħor

Imnedija l-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

(Ritratt: Martin Agius)

Għal sena oħra se tkun qed tiġi organizzata l-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza, li se ssir bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Ħadd 2 ta’ Lulju.

L-individwi li se jkunu qed jieħdu sehem, bħalissa għaddejin b’taħriġ intensiv li qed isir fil-ground tal-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il-kulleġġ ta’ Santa Klara, u li jiġi fi tmiemu bejn is-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ Ġunju permezz ta’ prova ta’ logħob kontinwu għal 24 siegħa.

Madanakollu, skont kriterji stabbiliti, se jkunu qed jintagħżlu 40 parteċipant, li mbagħad jipparteċipaw fil-maratona ta’ 35 siegħa, mimlijin b’logħob kontinwu.

Net News tkellem ma’ diversi persuni preżenti fejn stqarrew li huwa ta’ unur għalihom li jipparteċipaw f’din il-maratona, mhux biss għall-isport, iżda għaliex huma determinati li jkunu ta’ għajnuna għar-residenti tad-Dar tal-Providenza.

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza spjega kif l-għan ta’ din il-maratona huwa mhux biss biex jinkoraġixxi l-isport, u l-volontarjat, imma biex in-nies b’diżabbiltà jirċievu l’għajnuna li jistħoqqilhom biex jintegraw fis-soċjetà kif jagħmel kulħadd.