Sirjan ta’ 24 sena residenti Marsalforn Għawdex inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li fera gravi b’sikkina Sirjan ieħor fil-Ħamrun, fl-1 ta’ Ġunju li għadda għall-ħabta tat-3pm. Minn dak li ħareġ fil-Qorti jirriżulta li l-inċident seħħ minħabba xi flus li kellu jieħu Tarek Meashi Ualid.
Ualid li wieġeb mhux ħati ta’ feriti gravi, li ġarr arma li taqta’ u bil-ponta u li kiser il-paċi pubblika permezz tal-avukat tiegħu Jacob Magri qal li huwa kellu jieħu xi flus tax-xogħol li għamel lill-allegat vitma, fuq kisi, fejn l-istess vittma jesegwixxi wkoll dan ix-xogħol u li qabbad lill-akkużat jagħmel.
L-Avukat Magri qal li mhux l-ewwel darba li l-allegat vittma iqabbad xi nies biex jgħinuh fix-xogħol tiegħu u jispiċċa ma jħallashomx. L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa qalet li fl-1 ta’ Ġunju l-Għassa tal-Ħamrun kellhom informazzjoni minn Sirjan ieħor li kien ġie aggredit b’sikkina f’wiċċu minn persuna li ġejja minn pajjiżu.
L-Ispettur Zerafa qalet li l-allegat vittma kien tahom in-numru tal-mobile tal-akkużat u minkejja li ċemplulu diversi drabi dan baqa’ ma wieġibx. Kien nhar it-Tlieta li għadda li wara li ċemplulu rrisponda u ntalab li jmur l-Għassa tal-Pulizija.
Meta mar infurmawh li kien se jiġi arrestat. L-Ispettur qalet li Ualid ma kellu ebda dokument personali fuqu. Filwaqt li d-difiża oġġezzjonat għall-validità tal-arrest tal-akkużat għax dan ġie arrestat mingħajr mandat.
L-Ispettur Zerafa qalet li minħabba li ma kienu jafu xejn dwaru ma saritx talba għall-mandat ta’ arrest. Qalet li kull ma kienet taf biss kien li jismu Tarek. Wara xi ftit battibekki bejn il-partijiet il-Maġistrat Rachel Montebello ikkonvalidat l-arrest tal-akkużat.
Il-prosekuzzoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha t-talba għall-pleġġ u dan minħabba l-gravità tal-każ, kontaminazzjoni tal-provi u li m;għandux irbit ma’ Malta u mid-dokumenti disponibbli tiegħu, il-permess li jibqa’ għad baqalu biss tliet xhur.
L-Avukat Magri qal li dan huwa każ li seħħ fl-1 ta’ Ġunju u li kieku ried l-imputat għamel diversi tentattivi biex jikkontamina l-provi. Qal li kien l-allegat vittma li joqgħod il-Ħamrun li bagħat għall-akkużat biex ikellmu. Min Għawdex kellu jmur il-Ħamun fejn kien l-allegat vittma li beda l-ġlied. Suppost bagħat għalih biex jiddiskutu u ġara bil-maqlub. Il-Qorti f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għal pleġġ u ordnat biex jemm jista’ jkun malajr jittellgħu x-xhieda biex jiddeponu f’dan il-każ.
//= $special ?>

