Fi stqarrija ppubblikata ftit tal-ħin ilu mid-deputat tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut, ingħad li r-rapport intern li sar mill-Enemalta jikkonferma l-ħmieġ u n-nuqqasijiet gravi li hemm fl-iskandlu tal-windfarms tal-Montenegro. Dan ir-rapport ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra biss wara rebħa fl-appell għal talba għal Informazzjoni lill-Awtorità Pubblika ta’ Times of Malta u sensiela ta’ Mistoqsijiet Parlamentari mill-Oppożizzjoni.
Ir-rapport jikkonferma li wħud mill-membri li nnomina l-Gvern fil-Bord tal-Enemalta ma kellhomx il-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa għal Bord ta’ entita’ bħal din u ġew maħtura biss għal skopijiet politiċi.
Ir-rapport jikkonferma wkoll li l-proposta tax-xiri tal-wind farm saret lill-Bord direttament minn Konrad Mizzi.
Ir-rapport jikkonferma wkoll li l-Enemalta kienet taf minn qabel li kienet qed tħallas tliet darbiet aktar tal-prezz li bih Cifidex fthemet li tixtri l-istess wind farm, b’Cifidex imbagħad tgħaddi €4.6 miljun lill-kumpanija sigrieta 17 Black ta’ Yorgen Fenech, liema kumpanija kellha tgħaddi €5,000 kuljum lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Minkejja dan, il-Bord tal-Enemalta fl-ebda ħin ma ddiskuta din id-differenza fil-prezzijiet, minkejja li kien konxju tagħha.
Ir-rapport jgħid ukoll li biex saret din l-investigazzjoni interna, id-ditta legali li kitbet ir-rapport ma kellhiex aċċess għall-emails personali u għall-kompjuters tal-Enemalta, minkejja l-Ministru qalet fil-Parlament li “l-Enemalta offriet kollaborazzjoni massima biex dan ir-rapport seta’ jseħħ.”
Il-Ministru Miriam Dalli għandha ħafna xi twieġeb dwar dan l-iskandlu:
– Kienet hi l-uffiċċjal tal-komunikazzjoni tal-eks Ministru Konrad Mizzi;
– Kienet hi li għal sentejn u nofs għamlet minn kollox biex taħbi dan ir-rapport;
– Hija hi l-Ministru li lill-eks Ministru Mizzi għadha tgħattilu sal-ġurnata tal-lum, meta tibqa’ tirrifjuta li timxi bi trasparenza sħiħa fis-settur tal-enerġija li hu mifni fi skandli ta’ korruzzjoni, dlam u ħabi.
//= $special ?>