Wara li ġie preżentat l-Abbozz ta’ Liġi mill-Partit Nazzjonalista biex jintroduċi d-dritt tal-bniedem għall-ambjent nadif, san u sostenibbli, il-Partit Nazjjonalista ppubblika dokument b’linji gwida ta’ xi jfisser dan l-Abbozz; dokument bl-isem “L-Ambjent: Nagħmluh Dritt Malti”.
It-tema magħżula mill-Partit Nazzjonalista tiffoka fuq l-iskop wara din l-emenda: li tagħti lill-pajjiżna d-dritt għall-ambjent. .. u li kull Malti u Għawdxi ħaqqu d-dritt li jżomm lill-Istat responsabbli għad-deċiżjonijiet li jħallu impatt ħażin fuq l-ambjent – bl-iskop li jkun hemm anke prevenzjoni ta’ deċiżjonijiet mhux favur l-interess pubbliku.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Darren Carabott spjega kif permezz ta’ dan id-dokument, il-Partit Nazzjonalista jispjega fid-dettal il-liġi proposta, kif ukoll l-effetti pożittivi li se ġġib din il-bidla biex tgħin u tipproteġi l-ambjent Malti u biex jinħoloq skurtinju aħjar fuq id-deċiżjonijiet ambjentali tal-Gvern.
“Il-liġi proposta ser tkun qed idaħħal tliet tibdiliet fundamentali. Se niftħu d-definizzjoni tal-ambjent li mhux biss tibqa’ fil-forma tradizzjonali tagħha iżda aspett nagħtuha aspett aktar frisk u modern għal dak li nifhmu bih illum xi tfisser l-ambjent. L-ambjent m’għadhux biss kwistjoni ta’ għelieqi naturali. Huwa dak iżda huwa aktar ukoll għaliex il-maġġorparti tas-soċjeta Maltija tgħix fl-ibliet u irħula tagħna u dawk ukoll huma l-ambjent u ħaqqhom protezzjoni. It-tieni punt hu li qed nagħtu interess ġuridiku lill kull Malti inkluż l-NGOs biex jieħdu azzjoni kontra l-istat, u għal dan l-ksur ta’ dritt, huwa l-istat li hu responsabbli jekk ikun hemm ksur tal-ambjent. It-tielet pass hu li qed inwelldu mod ta’ infurzar li se jagħti l-għodda lill-qrati tagħna fir-rigward ta’ rimedji,” sostna Darren Carabott.
Id-deputat tal-PN Janice Chetcuti nsistiet illi, permezz ta’ dan id-dokument, qed tiġi spjegata mhux biss il-viżjoni li għandu il-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett li dejjem tpoġġa fiċ-ċentru tal-politika tal-PN, iżda anke kif dan id-dritt diġà hu stabbilit f’numru ta’ pajjiżi – u li f’Malta għandna bżonn kbir għalih.
“Diga sfortunatament tlifna kemm xejn mill-ambjent naturali sabiħ li jdawwarna iżda għadna fiċ-ċans però li nissalvaggwardjaw l-ambjent.. u jekk jista’ jkun nibdew ilbieraħ mhux illum, però illum il-PN propju bil-ħidma li saret fis-snin li għaddew alura irid jagħti prova ċara li anki mill-Oppożizzjoni dan kollu mhux biss qed jaħsbu, joħolmu imma qiegħed iwettqu,” tenniet Janice Chetcuti.
Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit irrefera għal stħarriġ li sar fl-aħħar jiem fejn wera kif aktar minn 70% taż-żgħażagħ Maltin iridu jimirħu l’bogħod minn xtutna biex igwadu ambjent aħjar. Dan wara li fl-aħħar snin seħħew diversi attroċitajiet ambjentali f’pajjiżna u ġew meqruda diversi spazzji miftuħa.
“Din l-għodda li qegħdin nippreżentaw permezz ta’ dan id-dokument ma teskludix anzi tixpruna l-azzjonijiet immedjatament fil-qasam tal-ippjanar sabiex jiefqu l-attroċitajiet ambjentali li qed isisru ta’ kuljum. Permezz ta’ dan id-dritt fundamentali tiżdied it-trasparenza, tiżdied il-partecipazzjoni u tiżdied il-kontabbiltà fil-qasam tal-ippjanar li jwassal għall governanza tajba,” qal Stanley Zammit.
F’messaġġ ċar, id-deputati tal-Partit Nazzjonalista insistew li din il-proposta mhix proposta partiġġjana iżda ser tħalli bidla pożittiva fl-ambjent Malti u għaldaqstant appellaw lil Gvern ta’ Robert Abela sabiex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista meta sejjer jittieħed il-vot fil-Parlament biex din il-liġi tidħol fis-seħħ u d-dritt għall-ambjent nadif, san u sostennibbli isir dritt fundamentali mehmuż fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
//= $special ?>