Lokali Parlament

L-Awtorità tal-Ippjanar qed toħroġ permessi kontra l-policies

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar

Id-deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Awtorità tal-Ippjanar qed toħroġ permessi kontra l-policies tal-ippjanar.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista qal li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tiffaċċja problema li qed titmexxa min-nies li huma pupazzi f’idejn il-gvern tal-ġurnata. Hu sostna li kull stħarriġ qed juri li madwar 80% tal-pplu hu mdejjaq bin-nuqqas ta’ ippjanar u nuqqas ta’ rieda tajba minn min qed imexxi l-Awtorità tal-Ippjanar.

Robert Cutajar qal li llum mhux żbalji qed isiru iżda atroċitajiet li jmorru kontra l-ġid komuni. Qed jittieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-policies fosthom il-bini ta’ lukanda fid-daħla tal-Mellieħa. Dan kien anki kundannat mill-qorti iżda xorta ħadd ma jassumi responsabbiltà, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li fil-protesta dwar l-ambjent ‘Xebbajtuna’ kien preżenti, fost l-oħrajn, is-Sindku tal-Gżira li tkellem kontra t-tkissir ta’ ġnien fil-Gżira biex issir pompa tal-petrol. Kien hemm ukoll is-Sinku tal-Qala li wera li anki Għawdex qed jiffaċċja problemi ambjentali minħabba permessi bl-addoċċ.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA m’humiex jipproteġu l-ambjent u qed jaġevolaw lil ftit nies li jabbużaw. Robert Cutajar qal li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha terfa’ r-responsabbiltajiet tagħhom iżda hi biss iebsa maż-żgħir iżda tagħti permessi lill-kbir kontra l-policies tal-ippjanar. Hemm ċirku vizzjuż biex jinħarġu permessi li mhux suppost jinħarġu, sostna d-deputat Nazzjonalista.