Internazzjonali

L-Italja: Il-funeral ta’ Berlusconi jissimbolizza t-tmiem ta’ era għall-poplu

Il-poplu Taljan u diversi mistednin barranin ingħaqdu ghall-aħħar tislima li inghatat aktar kmieni illum lil Silvio Berlusconi; l-eks Prim Ministru Taljan u Kap tal-imperu tal-media Fininvest illi miet nhar it-Tnejn li għadda fl-età ta’ 86 sena. It-tislima lil Berlusconi kienet kommoventi ..u hafna qed iqisu dan il-jum bħala “it-tmiem ta’ era” għall-poplu Taljan.

Il-funeral Statali ta’ Silvio Berlusconi, fil-belt ta’ Milan, kien kważi kważi mingħajr preċedent … peress li avveniment ċerimonjali fuq livell hekk kbir fl-Italja is-soltu hu riservat għall-Kapijiet tal-Knisja, Prim Ministri jew Presidenti…Bil-lista ta’ personalitajiet preżenti ukoll turi l-kobor ta’ dan l-avveniment – mill-Emir tal-Qatar, għall-Prim Ministru Ungeriz Viktor Orban, sa ismijiet popolari bħal Jerry Scotti u Maria de Filippi.

Il-quddiesa funebri fid-Duomo tmexxiet mill-Arċisqof ta’ Milan —  għalkemm fuq barra, fil-pjazza, inġabru eluf ta’ persuni; fosthom sapporters tal-klabb tal-futbol ta’ AC Milan li rebaħ ħafna unuri taħt it-tmexxija ta’ Berlusconi.

Il-belt ta’ Milan se tibqa’ żgur sinonima ma’ Silvio Berlusconi li kien bena imperu fil-media u l-proprjetà… kif ukoll fl-industriji taċ-ċinema u l-isport.  Berlusconi kien wieħed mill-aktar Taljani sinjuri fid-dinja u skont il-magazine Forbes, kellu valur ta’ aktar minn sitt biljun ewro.

Intant….il-mewt ta’ Silvio Berlusconi tista’ tkun diżastruża għall-futur tal-Partit Forza Italia – l-partit politiku li mexxa lill-Italja għall-parti kbira tas-disgħinijiet u fis-snin sussegwenti. Berlusconi kien dejjem il-Kap ewlieni u l-wiċċ ta’ dan il-partit – bl-osservaturi ma jeskludux li l-partit, mingħajru, jista’ jikkrolla anki fi kwistjoni ta’ xhur.

F’każ li jikkrolla l-Partit Forza Italia dan għandu jfisser problema kbira għall-membri l-oħrajn tal-Gvern ta’ koalizzjoni mmexxi mill-Prim Ministru Giorgia Meloni. Għalkemm dan kollu, sa issa, għadu biss spekulazzjoni.