Lokali Qorti

Tfittxija fil-baħar għal Brian Rosso rriżultat fin-negattiv u l-ebda qbil mal-profil ġenetiku tal-vittma

Tfittxija fil-baħar għal Brian Rosso li qed jiġi allegat li f’Ottubru tal-2005 inqatel u ġie mormi l-baħar fi xkora kienet irriżulata fin-negattiv. Kevin Farrugia li kien jagħmel tfittxijiet fil-baħar qal li kien tqabbad mid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili f’tentattiv li jinsab Rosso. Sadanittant esperti forensiċi ma sabu qbil mal-profil ġenetiku tal-vittma meta saru spezzjonijiet fuq traċċi żgħar ta’ demm miġbura minn postijiet maħsuba li huma marbuta mad-delitt,

Żewġ esperti fl-ittestjar tal-marki tas-swaba’ u l-analiżi tad-DNA ppreżentaw ir-rapport konġunt tagħhom l-Erbgħa wara nofsinhar waqt it-tielet jum tal-ġuri mill-ġurija ta’ Anthony Bugeja u Piero Di Bartolo, żewġ sajjieda ta’ Marsaxlokk akkużati bil-qtil.

Dan kollu ħareġ fil-ġuri li daħal fit-tielet jum tiegħu kontra s-sajjieda Anthony Bugeja minn Marsaxlokk u l-Isqalli Piero Di Bartolo fejn ta’ l-ewwel jinsab mixli bl-omiċidju ta’ Brian Rosso u t-Taljan b’kompliċità. Ix-xhud dwar it-tfittxija fil-baħar qal li l-area kienu identifikawha bħala s-sikka ta’ Benghajsa, bit-tfittxija tkun lejn ix xlokk ta Benghajsa Reef, fittxew f’żona ta’ 1.8km u baqgħu ħerġin sa 95 metru fond, u li din baqgħet sejra sal-Ġnejna.

Tenna li l-camera taħdem fejn ikun hemm qiegħ ċatt u saħaq li kienu sabu xi affarijiet suspettużi iżda wara rriżulta li dawn kienu biss xbieki. Xhieda oħra li kienu nvoluti fit-tftixxija qalu li fejn fittxew kien ħafna fond u li l-apparat ta’ dak iż-żmien ma kienx bħal tal-lum.

Ħareġ ukoll li kellhom ukoll problemi mhux biss minħabba l-kobor tal-area, iżda għax kemm il-darba sabu l-maltemp. Irriżulta wkoll li t-tfittijiet saru wkoll fl-2006. Xhieda oħra tkellmu dwar testijiet tad-demm li ħafna minnhom ma taw l-ebda riżultati.

Esperti forensiċi qalu li fittxew ir-residenza u l-garaxx ta’ Bugeja kif ukoll bastiment tas-sajd. Wieħed mill-kampjuni li tellgħu kien pożittiv bħala demm, spjega l-espert tal-qorti Jeffrey Hughes. L-espert tad-DNA Christopher Farrugia mbagħad ipprova jikseb profil minn xkupilja tas-snien ħamra mogħtija għall-ittestjar.

Iżda tliet tentattivi wrew li ma rnexxewx. Ma kellhom l-ebda mezz biex jieħdu d-DNA tal-vittma peress li l-ġisem tiegħu qatt ma ġie rkuprat iżda l-esperti ppruvaw iqabblu l-kampjun tad-demm ma’ kampjuni oħra meħuda mill-qraba ta’ Rosso.

Il-profil ġenetiku li jirriżulta minn dak il-kampjun li ttieħed mit-tfittxija ma kienx ta’ Rosso, ikkonferma Farrugia. L-avukat ta’ Di Bartolo, Roberto Montalto, staqsa jekk id-demm setax ġej minn sors ta’ annimal, bħal ħut. Dan la seta’ jiġi kkonfermat u lanqas eskluż, wieġeb l-espert.

Għal ħafna ħin filgħodu l-ġurati ma kienux fl-awla minħabba li saru għadd ta’ skambji bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni dwar x’għandu jingħad quddiemhom u x’mgħandux jingħad. Ħafna minn dawn kienu punti legali tekniċi. Il-fatt li l-istqarrijiet tal-akkużati ma jisgħux jintużaw bħala prova f’dan il-każ l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li quddiemha qed jinstema’ l-ġuri riedet tkun ċerta li jekk tinqara xhieda li saret waqt il-kumpilazzjoni lill-ġurati ma tkunx tagħmel parti minn xi stqarrija li ma tistax tingħad lill-ġurati.

Wara aktar min sagħtejn ta’ battibekki bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni l-uffiċjal mill-forensika Antoine Fenech esebixxa xi ritratti tar-residenza ta’ Bugeja fejn allegatament inqatel Rosso fl-10 ta’ Ottubru tal-2005. Ir-ritratti kienu ta’ diversi kmamar u l-garaxx tar-residenza f’Marsaxlokk.

Il-ġuri fil-konfront ta’ Anthony Bugeja, ta’ 55 sena, minn Marsaxlokk, u Piero Di Bartolo, ta’ 49 sena, residenti Birżebbuġa, li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Albert Brian Rosso ta’ 48 sena u li kien joqgħod Marsaskala huwa wieħed delikat ħafna u dan għaliex ma’ l-iċken informazzjoni żejda marbuta ma’ l-istqarrijiet li ġew sfilzati, faċilment tista; twassal għax-xoljiment tal-proċeduri.

Qed jiġi allegat li l-omiċidju seħħ fl-10 ta’ Ottubru tal-2005 barra d-dar ta’ Bugeja, bil-katavru jitpoġġa fi xkora u ntrema fil-baħar ħdejn il-Port Ħieles.  Mix-xhieda sa issa ħareġ li dan il-qtil seħħ b’rabta ma’ diżgwid fuq dgħajsa tas-sajd li kienet tal-vittma u ta’ Bugeja, waqt li Di Bartolo kien jaħdem fuqha. 

Intqal li l-każ seħħ meta ltaqgħu fid-dar ta’ Bugeja biex jiddiskutu xi problemi fin-negozju, żviluppa argument. Inġiebet arma tan-nar u ġew sparati diversi tiri lejn Rosso. Ħareġ ukoll li anke Rosso kien iżomm arma tan-nar fuqu u li dan kien iħalliha f’pouch iswed, u dan għax skont ma kien qal lill-Pulizija qabel ma’ miet kien qed jiġi mhedded.

Ħareġ ukoll li l-vittma kien jaħdem fiċ-ċentru tal-akkwakultura ta’ San Luċjan u kien ko-proprjetarju ta’ żewġ bastimenti tas-sajd. Skont il-prosekuzzjoni l-qtil seħħ filgħodu wara tilwima fuq bastiment. L-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi huma l-avukati ta’ Bugeja.

L-avukat Roberto Montalto huwa l-avukat ta’ Di Bartolo. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella u Andrea Zammit. L-Avukat Stefano Filletti huwa parte civile fil-każ. Il-ġurija hija komposta minn tmint irġiel u mara. F’dan il-ġuri huma msejjħa madwar 30 xhud u fejn persuna ma tkunx tista’ tattendi għal diversi raġunijiet se tinqara x-xhieda tagħhom waqt il-kumpilazzjoni.