Sport Sport Ieħor

Snooker – Kampjonat Ewropew Albena, Bulgarija: Tliet rebħiet oħra għal Malta waqt il-kompetizzjoni tat-timijiet

Illum waqt l-għaxar jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, il-Bulgarija tkompliet il-kompetizzjoni tat-timijiet fejn l-erba’ timijiet Maltin kisbu tliet rebħiet u tilfu logħba waħda.

L-ewwel tim tal-irġiel ta’ Malta, fffurmat minn Aaron Busuttil u Isaac Borg kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta rebħu kontra l-ewwel tim tal-Ukranja kompost minn Vladyslav Vyshnevskyy u Denys Khmelevskyi 4-1. Busuttil rebaħ iż-żewġ frames tiegħu tas-singles filwaqt Borg rebaħ waħda. Fil-frame tad-doubles it-tim Malti ddomina b,mod totali tant li għalaq bi break ta’ 64 punt għal skor finali tal-frame ta’ 109-1. B’hekk Busuttil u Borg kisbu t-tieni rebħa nfila.

It-tieni tim Malti tal-irġiel, dak ta’ Chris Peplow u Joseph Casha, kellu rebħa faċli ta’ 5-0 kontra t-tieni tim tal-Bulgarija rrappreżentati minn Nikolai Popov u Todor Todorov li għadhom qed ifittxu li jirbħu l ewwel frame wara tliet logħbiet. Issa Chris Peplow u Joseph Casha kisbu żewġ rebħiet minn tliet logħbiet.

L-uniku telfa llum sofriha l-ewwel tim Malti fil-kategorija tas-seniors, dak ta’ Alex Borg u Duncan Bezzina. Huma tilfu kontra l-ewwel tim tal-Ingilterra ffurmat minn Wayne Brown u Gary Milne. Il-frame deċiżiv bejn Borg u Milne kien wieħed misielet sat-tmiem fejn Malta setgħet għalqet il-logħba bil-boċċa r-roża pero’ kienu l-Ingilterra li ppotjaw l-aħħar żewġ boċċi biex rebħu 3-2. Iż-żewġ frames mirbuħa mill-Maltin kienu singles ta’ Bezzina u dak tad-doubles.

Logħba oħra li baqgħet bilanċjata sat-tmiem kienet dik tat-tieni tim Malti tas-Seniors kompost minn Philip Ciantar u Arthur Cachia. Huma rebħu 3-2 lill-ewwel tim tal-Belġju ta’ Pascal Tollenaere u Peter Bullen. It-tim Malti rebaħ it-tieni u t-tielet frame, is-singles ta’ Cachia u dak tad-doubles. L-aħħar frame tas-singles bejn Ciantar u Bullen kellu jkun dak deċiżiv u meta kien jonqos il-kuluri biss Ciantar kellu żvantaġġ ta’ 18 -il punt iżda bl-aħħar kolp irrexxielu jagħmel is-sitt kuluri kollha u jgħalaq l-logħba. B’din ir-rebħa Ciantar u Cachia kisbu t-tieni rebħa minn daqstant logħbiet.

Għalkemm wara l-logħbiet tal-lum matematikament ħadd għadu ma kkwalifika, hemm ċans tajjeb li l- maġġor parti tat-timijiet Maltin javvanzaw għall-fażi tan-Knock Out.

Wara l-logħob kollu tal-lum Joseph Casha għadu jżomm l-akbar break dak ta’ 95 punt fil-kategorija tal- Irġiel iżda fil-kategorija tas-Seniors,Duncan Bezzina li sal-bieraħ kellu l-aqwa break bi 80 punt, issa nqabeż mill-Irlandiż Thomas O`Donoghue li llum irnexxielu jagħmel break ta’ 84 punt.

Dalgħodu l-Kumtitat Eżekuttiv tal-E.B.S.A. ħabbar tibdil fil-pjan tal-logħob għall-jumejn li gejjin fejn il- kwarti finali kollha tat-timijiet ser jsiru għada u s-semi-finali u ż-żewġ finali jintlagħbu l-Ġimgħa. B’hekk din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker ser tintemm ġurnata qabel min kif kien ippjanat.

Il-Ħamis, it-timijiet Maltin jilagħbu l-aħħar logħba tal-gruppi li kollha ser jibdew, fid-9am ħin ta’ Malta. L-iskeda tal-aħħar logħba tal-gruppi hija din;

Aaron Busuttil u Isaac Borg (Malta 1) vs Polonja 2

Chris Peplow u Joseph Casha (Malta 2) vs Ukranja 3

Alex Borg u Duncan Bezzina (Malta Seniors 1) vs Skozja

Philip Ciantar u Arthur Cachia (Malta Seniors 2) vs Italja.

It-timijiet li jikkwalifikaw għal kwarti finali jerġgħu jilagħbu għada fis-sessjoni tat-3pm ħin ta’ Malta.