Lokali

Wara tlett snin, l-iskola tal-Imsida għadha ġebel u saqaf

Għaddew madwar tlett snin u l-iskola primarja tal-Imsida għadha ġebel u saqaf. Fi kliem sempliċi wara dan iż-żmien kollu, il-proġett għadu fi stadju bikri ħafna.

Dan wara li l-Gvern kien ftaħar li din l-istess skola kellha titlesta f’qasir żmien; imma jekk wieħed imur f’din iż-żona faċilment jaħseb li x-xogħol beda biss ftit tal-ġimgħat ilu.

Ritratt: Matthew Tabone

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li d-dewmien fil-bini ta’ din l-iskola ħolqot diversi problemi hekk kif spiċċaw jgħixu qalb it-trab – f’żona li spiċċat tidher qisha abbandunata.

Barra minn hekk, qalulna wkoll li issa mhux qed jgħixu f’arja nadifa u saħansitra jkollhom jżommu t-twieqi magħluqin.

L-istudenti li kienu f’din l-iskola spiċċaw ġew trasferiti fl-iskola ta’ Santa Venera u se jkollhom jibqgħu hemm b’mod indefinit.

Wieħed irid ifakkar ukoll li s-sena l-oħra kienu marru lura għall-bidu tal-proġett, hekk kif kienu waqqgħu dak kollu li bnew. Dan għaliex ix-xogħol tant sar ħażin li kellu jitwaqqa’ kollox.

Issa madwar iż-żona tal-iskola nbena ħajt – u l-pubbliku bilkemm jista’ jara il-progress f’dan il-proġett. Għalkemm huwa evidenti li l-binja għadha mhix kompluta.

Mill-ftit progress li sar, jidher li din l-iskola għandha xhur sabiex titlesta u tibda tilqa’ l-istudenti fiha.

Dan jikkuntrasta ferm mal-pjan li kien beda jwettaq Gvern Nazzjonalista; li jlesti u jinawgura skola ġdida kull sena – b’investiment dirett f’diversi lokalitajiet.