Lokali

Xogħolijiet li ilhom għaddejjin ‘il fuq minn sentejn fil-pjazza tal-Kalkara

Hekk kif l-istaġun tas-sajf jinsab magħna, ħafna Maltin u Għawdxin bħalissa jibdew jiddedikaw tmiem il-ġimgħa għall-festi – tradizzjoni Maltija li għadha ferm popolari kemm mal-adulti kif ukoll maż-żgħażagħ.

Iżda fil-każ tal-Kalkariżi, flok se jiċċelebraw festa normali bl-isbaħ mod tul ix-xatt, għad għandhom kaos sħiħ fil-pjazza – tant illi jidher l-vara ta’ San Ġużepp, b’din is-sitwazzjoni, ma tistax tgħaddi mir-rotta normali tagħha.

Nies li tkellmu ma’ Net News qalu li lmentaw diversi drabi mal-Kunsill Lokali hekk kif il-proġett għaddej b’pass ta’ nemla. Ix-xogħolijiet fil-pjazza bdew ‘il fuq minn sentejn ilu u allura dan ifisser li dan huwa propju t-tielet sajf ta xogħolijiet fil-pjazza. B’residenti jghidu li l-Kunsill ma ħa l-ebda azzjoni dwar l-ilmenti tagħhom.

Ritratt: Matthew Tabone

Barra minn hekk, nies li għandhom negozju fil-pjazza jinsabu f’riskju li jagħlqu hekk kif il-klijenti naqqsu drastikament.

Sorsi spjegaw ma’ Net News li qed ikun hemm ħafna ġrieden, u f’ċertu okkażjonijiet riħa ta’ dranaġġ qawwija. Dan apparti t-trab u t-tajn li hemm mal-pjazza kollha.

Ritratt: Matthew Tabone

Residenti spjegawlna kif qed jinstemgħu ħsejjes tal-makkinarju matul il-ġurnata kollha fejn in-nies tal-Kalkara bilkemm qed ikollhom mumenti biex jistgħu jistrieħu sew.

Apparti minn hekk, din il-pjazza qed tkun ta’ periklu kbir għar-residenti fejn xi wħud diġa’ weġġgħu kaġun ta’ dawn ix-xogħolijiet – nies li saħansitra kisru idejhom meta waqgħu fil-pjazza tal-Kalkara.

Ir-residenti jinsabu frustrati b’dan kollu, filwaqt li mhumiex qed jaraw it-tmiem ta’ dan il-proġett fil-qrib.

Dan filwaqt li dawk li għandhom tant għal qalbhom il-festa ta’ San Ġużepp jixtiequ jgawduha b’mod sħiħ; imma bl-istat li tinsab din il-pjazza, jidher pjuttost evidenti li mhux se tkun kompluta sax-xahar li ġej.

Ritratt: Matthew Tabone