Lokali

37% tan-negozji Għawdxin jaħsbu li se jmorru agħar

Kważi erbgħa minn kull għaxar negozji f’Għawdex jemmnu li din is-sena se jmorru agħar mis-sena li għaddiet. Filwaqt li huma biss kwart tan-negozji dawk illi jemmnu li se jmorru aħjar mill-2022.

Dan joħroġ minn survey illi sar fl-aħħar ħmistax mill-Assocjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, fost in-negozji f’Għawdex. B’dan is-survey, l-assoċjazzjoni ġabret informazzjoni minn employers fi ħdan is-settur tal-akkomodazzjoni, ristoranti, dawk li jaħdmu fit-trasport u anke f’attrazzjonijiet turistiċi fost l-oħrajn.

F’dan l-istħarriġ, il-maġġoranza tal-operaturi tat-turiżmu f’Għawdex indikaw illi huma bħalissa qed jimpjegaw ħafna ħaddiema barranin.

60% wieġbu illi għadhom isibu diffikultà biex isibu ħaddiema ġodda għaliex ħafna mill-impjegati ma jkollhomx għarfien bażiku tax-xogħol li jidħlu għalih, filwaqt li numru minnhom ma jdumux jaħdmu fl-impjieg li jkunu daħlu għalih.

Problema oħra esperjenzata minn dawk li jħaddmu hi li l-impjegati ma jkunux jafu jitkellmu bil-lingwa Ingliża kif xieraq – xi ħaġa li hija essenzjali għal xogħol fil-qasam turistiku.

Madanakollu, il-parteċipanti f’dan l-istħarriġ xorta jemmnu li l-istabbilimenti tagħhom jilħqu l-aspettattivi tal-viżitaturi.

L-istħarriġ jitfa’ dawl anke fuq iż-żieda fl-ispejjes; partikolarment il-pagi tal-ħaddiema, u l-prezz tal-ikel u x-xorb li qed jisplodi kaġun tal-inflazzjoni.

Is-survey tal-GTA juri li 25% tan-negozji Għawdxin qed jistennew sena aħjar mill-2022, 38% qalu li qed jistennew l-istess negozju bħas-sena ta’ qabel, filwaqt li 37% qalu li qed jistennew li jmorru agħar mis-sena l-oħra – fi kliem sempliċi, 4 minn kull 10 għandhom previżjoni negattiva għall-bqija tas-sena. Il-GTA stqarret li wara dan l-istħarriġ se tkun qed tirrakkomanda diversi proposti lill-awtoritajiet biex dawn il-fatturi li ħarġu mis-survey jiġu kkunsidrati għall-benefiċċju tas-settur tat-turiżmu Għawdxi.