Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Doreen Clarke se tkun qed tiddeċiedi fil-5 ta’ Lulju li ġej jekk hux se tisma’ b’urġenza proċeduri mressqa mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex ineħħi l-Maġistrat inkwirenti Gabriella Vella biex ma tkomplix tmexxi l-inkjesta fuq l-isptarijiet. Dak inhar ukoll il-Qorti se tiddeċedi jekk l-għaqda Repubblika hux se tkun qed tagħmel parti mill-kawża.
Dan wara li permezz tal-Avukat tiegħu Charlon Gouder – Joseph Muscat ippreżenta kawża b’urġenza fejn talab biex il-Maġistrat Gabriella Vella ma tkomplix tmexxi l-inkjesta fuq l-isptarijiet mmexxija minn Vitals u aktar tard Steward. Fil-kawża, Muscat talab ukoll biex l-atti tal-inkjesta jiġu immedjatament assenjati lil maġistrat Inkwerenti ieħor jew oħra li “tkun imparzjali sew fuq livell oġġettiv u sew fuq livell suġġettiv.”
L-eks Prim Ministru għamel dan il-pass għax skont hu membri tal-familja ta’ l-istess Maġistrat ppronunzjaw ruħhom dwar il-każ b’dak li għamlu fuq il-media soċjali. Il-Maġistrat Vella ċaħdet ir-rikors ta’ Joseph Muscat, fejn talabha irrikuża ruħha mill-inkjesta dwar l-isptarijiet u “tgħaddi f’idejn ġudikant li jista’ jassigura kemm bħala perċezzjoni kif ukoll bħala fatt, l-imparzjalità f’dan il-każ li issa sar politiku.”
Dwar il-posts li tefgħu fuq Facebook, il-Maġistrat Vella kienet qalet li kulħadd għandu dritti għal libertà tal-espressjoni tiegħu. F’seduta li damet kważi tliet sigħat l-ewwel ma ntervjena kien l-Avukat ta’ Repubblika – Jason Azzopardi. Hu tkellem dwar l-interess ta’ Repubblika li tintervjeni fil-każ jidher ċar mal-ewwel daqqa t’għajn.
“Hija organizzazzjoni li tissalvagwardja l-istat tad-dritt. Hekk jgħid l-istatut tagħha u huwa marbut li jirrispetta dan. Hija l-unika organizzazzjoni f’Malta li tagħmel dan u Repubblika kienet l-ewwel li talbet din l-inkjesta. Jason Azzopardi qajjem “sitwazzjoni identika” u fakkar fil-Qorti kif l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u Repubblika kienu talbu li jitħallew jintervjenu f’każ imressaq mill-eks ministru Konrad Mizzi marbut mar-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers.
L-Imħallef Zammit McKeon fl-2019 kien iddigreta li kellhom interess li jintervjenu, qal Dr. Azzopardi. Hu kkwota wkoll każistika mill-1990 biex issostni l-argument tiegħu. Fit-tweġiba tiegħu, l-avukat ta’ Muscat Charlon Gouder argumenta li Repubblika ma kellha ebda dritt suġġettiv.
Matul dan il-ħin l-eks Prim Ministru Muscat qagħad bilqiegħda fejn deher ferm kalma, jisma’ b’attenzjoni, b’idejh fuq saqajh. L-Avukat Charlon Gouder fakkar lill-Qorti li dan il-każ jikkonċerna t-talba ta’ Muscat kontra l-Istat ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.
“Repubblika qed tipprova tidħol mit-tieqa aktar milli mill-bieb,” qal l-Avukat ta’ Muscat. Argument issa dwar jekk l-NGO Ikollhiex interess ġuridiku, li, normalment huwa definit bħala li għandu interess personali, attwali fis-suġġett ta’ kwalunkwe litigazzjoni.
Gouder argumenta li l-interess tal-NGO u Aquilina li jintervjenu mhuwiex wieħed ġuridiku għax b’xi mod jew ieħor għandhom interess fl-eżitu ta’ dan il-każ. “U dan biss ma jikkwalifikax biex jintervjenu,” kompa jisħaq. Gouder jirreferi għall-każ Simon Busuttil li kien qajjem Azzopardi qabel.
Huwa ma kellux status ta’ vittma, kienet ikkonkludiet il-qorti. “Repubblika jinsabu f’pożizzjoni identika,” jargumenta Gouder. “Għalhekk il-kundizzjonijiet għall-intervent kienu neqsin fil-każ ta’ Busuttil u l-istess illum mar-Repubblika.” Post fuq Facebook li fih Robert Aqulina ddeskriva lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru “korrott” – tqajjem mill-avukat ta’ Muscat.
“Aħna nħossu li Repubblika u Aquilina qatt ma jistgħu jikkwalifikaw biex jintervjenu fil-każ. Aquilina tana r-raġuni dalgħodu,” qal Dr. Gouder. “Isemmi sentenza waħda li ddikjarat li Muscat huwa korrott,” qal Gouder. Dak li ma kisbux fl-arena politika qed jippruvaw jagħmlu issa.”
Wara għale l-argumenti tiegħu l-Avukat James D’Agostino, li jirrappreżenta lill-Avukat tal-Istat. Qal li terza persuna li tintervjeni fil-kawża għandha status ta’ osservatur u li l-eżitu tal-każ jista’ jaffettwah b’xi mod jew ieħor. Jistaqsi x’effett jista’ possibbilment ikollu dan il-każ fuq l-NGO u Aquilina.
Tenn li l-parti li tintervjeni tikkontrolla l-evidenza mressqa miż-żewġ partijiet u tagħmel parallel mal-każijiet ta’ inċidenti tat-traffiku fejn kumpaniji tal-assigurazzjoni jintervjenu f’każijiet. “F’dan il-każ Aquilina fil-kapaċità personali tiegħu jidher li għandu interess li jintervjeni minħabba xi ħaġa li qal Muscat,” argumenta D’Agostino.
“Jekk dan huwa hekk, l-interess huwa assenti.” L-avukat tal-Avukat tal-Istat jgħid li l-qorti se jkollha tara x’interess għandha Repubblika li tintervjeni fil-każ. Jirreferi għal sfida biex tirrikuża lill-Maġistrat Nadine Lia f’każ preċedenti, fejn il-Qorti qalet li l-NGO kellha nuqqas ta’ interess ġuridiku.
Il-każ dwar Simon Busuttil huwa analoġija aktar mill-qrib, jargumenta, għax dik kienet dwar inkjesta maġisterjali. Madankollu, il-prinċipju tal-istatus ta’ vittma kien applikat fit-tnejn, qal l-avukat tal-Istat jieqaf hawn. Dwar it-talba ta’ Muscat għall-urġenza biex il-Maġistrat titneħħa, l-Avukat Gouder qal li jrid li Muscat jixhed dwar il-kwistjoni tal-urġenza u miżura interim.
Joseph Muscat beda biex jgħid li hu jara sitwazzjoni fejn “il-ħin li l-Maġistrat Vella tat ġudizzju dwar missierha u ħuha, u li qalet li l-kummenti tagħhom kienu libertà tal-espressjoni, dik il-minuta marret fuq in-naħa tagħhom u kontrija”. Qal li “minn dak il-mument, il-każ żgur ġie preġudikat u nkisru d-drittijiet tiegħi.”
Tenna li hu dak li qanqal it-talba tiegħu. “Jien m’iniex avukat imma minn aspett loġiku, mal-minuta li l-maġistrat ħadet deċiżjoni li marret in-naħa tal-qraba tagħha, inħolqot il-ħtieġa tar-rikuża tagħha,” hu saħaq. “Għalhekk qed infittxu miżura interim biex niżguraw li d-drittijiet tiegħi ma jinkisrux aktar.” kompli Muscat.
Muscat jixhed li jrid jiddeffendi l-pożizzjoni tiegħu
“Fid-digriet tagħha l-maġistrat inkwirenti tat raġunijiet biex ċaħdet it-talba tiegħi, billi qalet li kienet il-libertà tal-espressjoni. Irrid nixhed biex nissalvagwardja d-drittijiet tiegħi u l-maġistrat qalet li kienet qed tieħu miżuri kif xieraq,” kompla jgħid.
Muscat tenna li qatt ma ġie notifikat. Iżda kien hemm rapporti fil-midja dwar din l-inkjesta u fid-dar tiegħu saret tfittxija. “Il-fatt li l-maġistrat qalet li riedt ‘niddefendi l-pożizzjoni tiegħi’ juri li jien kont qed niġi akkużat b’xi ħaġa,” komplaq jgħid. U għalhekk irid miżura interim”.
L-Avukat tal-Avukat tal-Istat istaqsi lil Muscat jekk jafx x’inhi x’inkjesta maġisterjali. “Jien m’iniex avukat imma bħala ċittadin ordinarju kien hemm talba għal inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet,” wieġeb Muscat. “Issemmew tliet ministri u jien le.
“Nifhem li inkjesta bħal din hija investigazzjoni dwar il-kwistjoni.” D’Agostino wieġeb: “Fhimt li maġistrat inkwirenti ma jagħtix sentenza?” Muscat qal: “Hemm riperkussjonijiet politiċi. Il-minuta li l-maġistrat inkwerenti jirrakkomanda prosekuzzjoni kontra xi ħadd, dik hija deċiżjoni importanti ħafna. Fil-fehma tiegħi anke f’dak l-istadju tista’ tkun preġudikat.”
L-eks Prim Ministru qal li m’għandu l-ebda problema jekk xi ħadd ikollu fehmiet li huma kontra tiegħu: dik hija biss politika. “Hu għalhekk li qatt ma ppreżentajt libelli. Forsi tnejn f’ħajti kollha,” hu saħaq. Tenna li għandu “rispett sħiħ” lejn il-qraba tal-maġistrat u għandhom dritt għall-opinjoni tagħhom.
Iżda sostna li wieħed huwa “qrib l-NGO li talbet l-inkjesta fl-ewwel lok”. “Imma huma b’xi mod involuti fl-inkjesta? staqsa l-Avukat ta’ l-Istat. “Dak li qed ngħid huwa li peress li esprimew il-fehmiet tagħhom, ipoġġi lill-maġistrat f’pożizzjoni li trid tilqa’ t-talba għar-rikuża,” sostna Muscat.
L-avukat ta’ Muscat qal li jrid jippreżenta xi dokumenti mill-inkjesta maġisterjali, iżda hawn sab oġġezzjoni qawwija u minnufih mill-avukat tal-Istat, li qal li l-inkjesta maġisterjali hi sigrieta. “Xejn minn dik l-inkjesta ma jista’ jispiċċa fid-dominju pubbliku,” hu saħaq.
“U l-inkjesta maġisterjali għadha għaddejja. Sakemm tkun magħluqa u l-Avukat Ġenerali joħroġ il-kunsens, ebda dokumentazzjoni minnha ma tista’ tiġi prodotta bħala evidenza x’imkien ieħor.” Gouder jinsisti li ma jistax iġib l-evidenza sakemm ma jġib dawk id-dokumenti mill-inkjesta. “Il-kwistjoni hija kritika ħafna,” qal Gouder.
Il-battibekki fuq id-dokumenti komplew u Gouder qal li jitlob awtorizzazzjoni biex isejjaħ lir-reġistratur tal-qorti biex jipproduċi kopja tar-rikors oriġinali mill-inkjesta. L-Avukat D’Agostino kompla joġġezzjona. Id-dokumenti mitluba mhumiex rilevanti għas-suġġett ta’ dan il-każ, l-atti tal-inkjesta huma kunfidenzjali.
Allura kif jista’ r-reġistratur tal-qorti jġib dawk id-dokumenti? Hawn l-Imħallef Doreen Clarke tiċħad it-talba għaliex il-qorti qieset li t-talbiet li qed jiġu ttrattati, min-natura tagħhom, għandhom jiġu determinati b’urġenza u fi kwalunkwe każ, id-dokumenti msemmija mhumiex rilevanti.
l-Qorti kompliet biex tisma’ x’għandhom xi jgħidu l-partijiet dwar l-urġenza ta’ dan il-każ. Gouder enfasizza li din ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku, li kien segwit ħafna u li Muscat kien eks Prim Ministru. “Ikun xi jkun il-mod kif tarah, dan huwa każ politiku u għalhekk jiġbed aktar interess pubbliku,” kompla jgħid.
Muscat qed jitlob protezzjoni skont il-Kostituzzjoni u taħt il-Konvenzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jgħid. “Qegħdin hawn biex nevitaw li d-drittijiet ta’ Joseph Muscat jinkisru, biex ma nħallux dan iseħħ. Meta l-Maġistrat Vella ddeċidiet dwar il-kummenti tal-qraba tagħha, warrbet totalment it-talba ta’ Muscat għar-rikuża, f’dak il-punt ma kellhiex għażla ħlief li tirrikuża ruħha.”
L-Avukat ta’ Muscat ikompli jisħaq fuq ir-rikkuża tal-Maġistrat Gabriella Vella
Gouder ta dettalji dwar xi wħud mill-kummenti tal-qraba tal-Maġistrat Vella li jinsabu fil-qalba ta’ dan il-każ. Huma qasmu l-postijiet tal-midja soċjali tar-Repubblika għal protesti biex jintbagħtu l-politiċi l-ħabs, jgħid. Wieħed minnhom semma lill-kap tal-gvern fiż-żmien li ttieħdet id-deċiżjoni tal-isptarijiet.
“U min kien il-kap tal-gvern dak iż-żmien? Muscat,” kien qal qarib. “Il-maġistrat kellha tirrikuża ruħha,” targumenta Gouder. “Dak li qalu Massimo u Aldo Vella kellu impatt fuq is-suġġett ta’ dan il-każ u huwa simili ħafna għal dak li qed jiġi ttrattat f’dan il-każ. Dak li qalu jippreżenta preġudizzju għal Muscat.
Żgur li dan jagħmel impatt fuq l-imparzjalità oġġettiva tal-Maġistrat u konsegwentement id-drittijiet ta’ Muscat.” L-avukat tal-Avukat tal-Istat qed jitkellem. Huwa jinsisti li m’hemm “l-ebda urġenza” f’dan il-każ, u jsemmi xi każijiet preċedenti biex jappoġġjaw l-argument tiegħu. Jgħid li l-każ diġà qed jiġi ttrattat b’mod spedjenti.
L-Avukat tal-Istat wara argumenta kontra l-permess tal-miżura provviżorja. “L-iskop kollu ta’ miżura interim huwa li jipprevjeni milli tiġri xi ħaġa, avveniment futur mistenni li jseħħ, madankollu Joseph Muscat sostna fir-rikors tiegħu li diġà sofra l-ksur. Allura x’inhu l-użu ta’ miżura provviżorja jekk dan ikun il-każ? X’inhu jsir isir.”
L-Avukat tal-Avukat tal-Istat tkompli b’aktar raġunijiet biex tirrifjuta t-talba ta’ Muscat biex tordna lill-maġistrat tissospendi l-ħidma tagħha. Jargumenta li Muscat jgħid li hu suspettat fil-mira tal-inkjesta maġisterjali. Il-maġistrat forsi ma jirrakkomandax akkużi u l-kwistjoni tieqaf hemm.
Jekk tordna l-prosekuzzjoni, dik tkun quddiem qorti separata u Muscat ikollu proċess dovut, bis-salvagwardji legali kollha u bid-dritt ta’ appell. D’Agostino jirrimarka li Repubblika ressqet tliet applikazzjonijiet għar-rekuża tal-Maġistrat Lia f’kawża separata filwaqt li Muscat għamel tentattiv wieħed biss. U anki jekk isofri ħsara, hija “ċertament mhux irreparabbli”. Jekk it-talba tiegħu tintlaqa’ hemm il-periklu li ċerta evidenza tista’ tintilef jew tinqered. Din il-qorti tkun qed tfixkel l-inkjesta.
Jekk l-inkjesta tiġi ordnata li tiġi sospiża, xi ngħidu dwar id-drittijiet tal-persuni l-oħra investigati? Id-drittijiet tagħhom li jkollhom smigħ ġust fi żmien raġonevoli jitwarrbu. “Mela qed jisraq lil Pietru biex iħallas lil Pawlu”. L-avukat ta’ Muscat mhux lest. Jgħid li l-kliem tal-avukat tal-Istat jitfagħna fil-limbu.
“Xi drabi qal li ma nafux fejn waslet l-inkjesta, f’oħrajn jgħid li kważi spiċċat.” Jgħid li nafu li Muscat huwa persuna suspettata għax ir-Repubblika kienet ressqet talba għal investigazzjoni fir-rigward tiegħu, li ġiet ippubblikata fuq il-midja soċjali “u xi xahrejn wara saret tfittxija f’daru”. L-Avukat tal-Istat sostna li Muscat jista’ dejjem jiddefendi d-drittijiet tiegħu f’fora oħra iżda “mhux qed ngħidu li l-inkjesta hi li tieqaf għal kollox imma li tkompli quddiem maġistrat differenti b’tali mod li tiggarantixxi l-imparzjalità”.
//= $special ?>