Sport Sport Ieħor

Gladiators Night: Brent Spiteri jirbaħ iċ-ċinturin tat-titlu Ewropew fil-kickboxing

Ir-rebbieħ taċ-ċinturin Brent SPiteri fl-azzjoni kontra Marek Plenakowoski (Ritratt: Martin Agius)

It-28 edizzjoni tal-Gladiators Fight Night, organizzata minn Gladiators Promotions, gewwa l-Hilton Hotel Malta , kien spettaklu ieħor ta’ ġlied mill-aqwa f’diversi dixxiplini bħal Kickboxing, K1, Boxing, u Muay Thai. Dan is-suċċess kien grazzi għall-wirjiet u prestazzjoniet mill-aqwa minn 36 atleta kemm Maltin kif ukoll barranin minn diversi klabbs lokali kif ukoll minn barra minn Malta.

Taħt id-direzzjoni tal-federazzjonijiet internazzjonali WKN u WBC fil-kickboxing u l-Muay Thai, rispettivament, u taħt is-superviżjoni tal-MKBA u l-MBA, total ta’ 19-il ġlieda ġew organizzati, inklużi żewġ ġliedid, waħda għaċ-ċinturin fil-kickbxing WKN Europen PRO/AM championship kif ukoll għaċ-ċinturin WBC Ameture Muay Thai Mediterranean Super Welterweight title. Din tal-aħħar kienet l-ewwel darba li saret f’Malta.

L-udjenza li attendiet għal dan l-avveniment kellha l-opportunità li tara ġlied mill-isbaħ bejn ġellieda varji Maltin u oħrajn internazzjonali mill-Italja, l-Greċja, u Spanja fuq livell ta’ “ametures” u “semi-pro”. Fost dawn il-ġellieda pparteċipa wkoll il-ġlied promettenti Malti Brent Spiteri mill-klabb tal kickboxing Team Noel taħt il-gwida ta’ Master Noel Mercieca. 

Bi prestazzjoni eċċellenti kontra l-gellied Pieniakowski mill-Polonja, Brent rebaħ iċ-ċinturin għat-titlu WKN Europen PRO/AM championship fil-kickboxing, b’knockout wara biss minuta u 8 sekondi mill-ewwel rawnd ta’ 4 x 2 bout.

Fi ġlieda oħra eċċitanti, il-boxer Malti Jeanclaude Mifsud mill-Vikings Boxing Club immexxi mill-kowċ Jos Mark Bonello, irnexxielu jegħleb lill-boxer Joey Fernandez mill-klabb Spanjol Team 69 Monos b’knockout.

F’konfront ieħor li temm l-avveniment, il-ġellied rinomat Malti Jesred Piscopo ġġieled għat-titlu ta’ WBC Amateur Muay Thai Mediterranean Super Welterweight kontra Cosimo Rigovacca mill-Italja, bi ġlieda impekkabbli ta’ 5 x 2 rounds. Wirja mill-aqwa miż-żewġ ġlidieda rat lill-ġellied Taljan Cosimo Rigovacca jirbaħ bil-punti.

F’kumment qasir, Master Noel Mercieca esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ġellied Malti Brent Spiteri għar-rebħ ta’ dan it-titlu tant prestiġjuż, kif ukoll għas-suċċessi sinifikanti ta’ rebħiet mill- ġellieda Maltin, kemm fi ħdan il-klabb Team Noel kif ukoll mill-klabbs l-oħra Maltin.

Bħala konklużjoni, Gladiators Promotion esprimew il-gratitudni tagħhom lejn il-kowċis kollha għad- dedikazzjoni tagħhom biex iħarrġu lill-ġellieda kollha f’livell daqshekk għoli, kif ukoll lill-ġudikanti, referees, voluntiera, sponsors, u wara kollox, lill-pubbliku ġenerali li attenda l-avveniment.