Internazzjonali

Il-Belarus: Inkwiet dwar it-trasferiment tan-nukleari…u l-intenzjonijiet ta’ Lukashenko

It-trasferiment tal-armamenti mir-Russja lejn il-Belarus għandu jkun l-aktar pass perikoluż li  wieħed jista’ jimmaġina u li kapaċi jkun riċetta għal diżastru ‘b’konsegwenzi kbar għall-umanità’.

Dan qalitu Svetlana Tikhanovskaya, il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus li qed tgħix f’eżilju u  li insistiet dwar il-periklu li l-armi inkwistjoni jispiċċaw f’idejn ‘dittatur irresponsabbli u mingħajr sens ta’ raġuni bħall-President (tal-Belarus) Alexander Luskashenko.’

Tikhanovskaya, waqt intervista lill-BBC f’Varsavja, akkużat lill-politiċi tal-Punent b’li baqgħu ‘b’ħalqhom magħluq’ quddiem l-ewwel stazzjonar ta’ armi nukleari — ‘tactical nukes’ — barra r-Russja mill-kroll tal-eks Unjoni Sovjetika, fl-1991.

Dan wara li Lukashenko, il-mexxej awtoritarju tal-Belarus, ikkonferma d-deċiżjoni biex pajjiżu jispiċċa ‘ċentru’ għal dawn l-armamenti waqt taħdita ma’ preżentatur tat-Televiżjoni tar-Russja. Mistoqsi jekk il-Belarus setax irċieva diġà l-armamenti nukleari mingħand ir-Russja, Lukashenko daħak u wieġeb li ‘(l-armamenti) ma waslux kollha (f’pajjiżu) u li dan jinvolvi proċess gradwali’.

Alexander Lukashenko hu l-alleat ewlieni tal-President Russu Vladimir Putin, waqt li l-Belarus serva bħala ‘sostenitur’ għall-qawwiet Russi biex imexxu l-invażjoni tal-Ukrajna fi Frar tal-2022.