Il-Greċja, bħalissa, qed tosserva tlett ijiem ta’ luttu relatati ma’ traġedja li fiha x’aktarx li għerqu l-għexieren tat-tfal.
L-indikazzjonijiet huma li l-għarqa ta’ dgħajsa mgħobbija bil-mijiet tan-nies, aktar kmieni fil-ġimgħa, kellha tiżvolġi f’waħda mill-akbar diżastri tal-immigranti għal snin fl-Ewropa
L-immigranti li salvaw mill-għarqa tad-dgħajsa lejn in-nofsinar tal-Greċja qalu li kien hemm talanqas 100 tifel u tifla abbord u li ħafna minnhom setgħu għerqu f’dik iz-zona ta’ baħar, xi 80 kilometru lejn il-biċ mill-belt ta’ Pilos.
L-awtoritajiet għall-emerġenzi żvelaw ukoll li fadal l-għexieren ta’ persuni nieqsa wara li sabu ruħhom f’diffikultà fil-ħin tal-għarqa.
Is-sinjali huma li kien hemm aktar minn 750 immigrant fuq id-dgħajsa fost konferma li minn dawn mietu talanqas 80 – biċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla’.
Sadanittant, diversi sorsi u NGOs qed jikkritikaw lill-gwardjani tal-kosta Griegi talli ma intervjenewx qabel iggravat l-emerġenza, bil-kelliema għall-awtoritajiet Griegi jikkonfermaw li l-immigranti kienu rrifjutaw kull offerta ta’għajnuna wara li d-dgħajsa tagħhom intlemħet għall-ewwel darba minn ajruplan tal-Frontex.
L-iskwadri marittimi tal-Greċja bħalissa qed ifittxu fl-ibħra partikulari bħala parti minn search operation intensiv u bit-tama li jsibu aktar immigranti ħajjin.
Sar magħruf ukoll li ammont kbir ta’ nisa u tfal kienu qed jivvjaġġaw fl-istiva tad-dgħajsa u li dawn, x’aktarx, ma kellhom l-ebda ċans li jsalvaw meta d-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma qabel inqalbet fil-baħar.
Intant, xi immigranti li salvaw żvelaw li l-ammont tat-tfal fuq id-dgħajsa x’aktarx li kienu ‘aktar minn mija’ — bl-entità karitatevoli Save the Children ukoll tindika l-istess ammont ta’ tfal abbord.
Mhux eskluż li t-traffikanti li kienu qed jużaw dik id-dgħajsa biex iwasslu lill-immigranti fl-Ewropa kienu ‘sakkru lill-għexieren tan-nies fl-istiva bħala strateġija komuni li jużaw it-traffikanti biex huma jibqgħu fil-kontroll waqt dawn il-vjaġġi illegali.’
Fl-aħħar sigħat ukoll ingħad li l-Ministeru Grieg b’responsabbiltà għat-traffiku tal-bastimenti kien għamel diversi kuntatti man-nies li kienu qed jiggwidaw id-dgħajsa u li weġbuh li huma ‘riedu jibqgħu jivvjaġġaw lejn l-Italja’.
Għajnuna minn vapur irreġistrat Malta
Ir-rapporti komplew li – qabel it-traġedja — vapur li qed ibaħħar taħt il-bandiera ta’ Malta kien ipprovda l-ikel u l-ilma lill-immigranti fuq id-dgħajsa u b’vapur ieħor, ftit wara,iwasslilhom aktar provvisti tal-ilma.
Ftit tal-ħin wara, imbagħad, xi persuni fuq id-dgħajsa infurmaw lill-gwardjani tal-kosta li l-magna tad-dgħajsa kienet ġarrbet il-problemi — bid-dgħajsa, minuti wara, tinqaleb fil-baħar fejn għerqet kompletament fi spazju ta’ kwarta.
Il-missjoni ta’ search and rescue li intensifikat fi kwistjoni ta’ sigħat kienet imfixkla mill-irwiefen li qamu f’dik iz-zona ta’ baħar partikulari.
Xi membri tal-gruppi li jħasru d-drittijiet tal-bniedem ma jeskludux li l-immigranti fuq id-dgħajsa bl-ebda mod ma riedu javdaw ruħhom f’idejn l-awtoritajiet Griegi minħabba li l-Greċja hi magħrufa għall-‘mezzi sistematiċi ta’ pushback’ biex taċċerta li l-immigranti jispiċċaw lura f’pajjiżhom ta’ oriġini.
//= $special ?>