Lokali

Il-Gvern ta’ Robert Abela vvota kontra proċess trasparenti ta’ regolarizzazzjoni – PN

Fi stqarrija maħruġa mid-deputat Stanley Zammit, il-PN qal li l-Gvern ta’ Robert Abela vvota kontra li l-proċess ta’ regolarizzazzjoni ta’ irregolaritajiet fi żvilupp eżistenti ikun wieħed ċar, trasparenti u ta’ governanza tajba.

Din l-istqarrija tispjega kif il-PN huwa favur li din ir-regolarizzazzjoni tkun estiża għal żviluppi illi huma parzjalment lil hinn mill-konfini tal-iżvilupp iżda li huma koperti b’permess eżistenti inkluż fejn l-iżvilupp kollu hu f’Settlement Rurali ta’ Kategorija 1 sakemm, fi kwalunkwe każ, ma joħloqx ħsara lil tal-madwar, il-PN ppropona proċess illi jassigura illi dan ikun wieħed ibbażżat fuq policies u kriterji ċari u determinati minn qabel. 

Il-PN hu favur din l-estensjoni ta’ regolarizzazzjoni għax jifhem li din tista’ tkun soluzzjoni għal ħafna sidien ta’ propjetajiet li mhux f’pożizzjoni li jqiegħdu fis-suq jew jakkwistaw self bankarju għall-propjetà tagħhom, kaġun ta’ illegalità li mhux sanzjonabbli li setgħat seħħet qabel l-2016.

L-Avviż Legali ppreżentat mill-Gvern ta’ Abela, jagħti lok għall-interpretazzjoni li dan l-eżerċizzju jippremja lil min abbuża, li jikkonferma atroċitajiet fl-iżvilupp, li jippromowovi l-kultura ta’ sanzjonar, u li jagħti jedd lil min abbuża biex igawdi l-frott tal-għemil abbużiv tiegħu billi jħallas xi penali jew piena finanzjarja, b’hekk jimmina s-saltna tad-dritt.

Għalhekk il-PN ressaq l-Avviż Legali 96, permezz tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp; l-Awtorità tal-Ippjanar, li hi responsabbli biex tipprovdi ambjent ibbilanċjat u sostennibli għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan għandha tagħmlu billi tressaq lill-Parlament policies u kriterji ta’ fejn u liema tip, qies u natura ta’ żvilupp jista’ jkun regolarizzat biex il-proċess ikun wieħed ċar, trasparenti u ta’ governanza tajba. 

Il-Gvern ta’ Robert Abela vvota kontra dawn l-emendi biex kompla naqqar mill-ftit fiduċja illi n-nies għad għandhom fl-Awtorità tal-Ippjanar wara numri kbar ta’ permessi u deċiżjonijiet dubjużi u kontestabbli tant illi fil-ġimgħat li għaddew numru minnhom ġew revokati mill-Qrati Maltin. 

Il-PN huwa kontra kull abbuż, inkluż dak li sar, u li jista’ jsir mill-Awtorità tal-Ippjanar illi hija aktar iffukata fuq il-kwantità ta’ permessi li joħorġu milli fuq il-kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan għandu jsir billi jkun hemm pjanar serju. 

Għalhekk il-PN qed jappella lill-Gvern sabiex, ‘l hinn mill-argumenti fqajra li qed iġib kontra t-titjib, billi jikkonsidra mekkaniżmi, proposti mill-PN.