Lokali

Il-Ministru Dalli ma tikkommettix li se tkun qed tappoġġja l-emenda tal-PN dwar l-ambjent

Jum wara l-ieħor il-Gvern ta’ Abela qed jikkonferma li mhux se jkun qiegħed jagħti s-sostenn tiegħu sabiex l-ambjent f’pajjiżna jkun meqjus bħala dritt fundamentali tal-bniedem – iswed fuq l-abjad – f’Kapitlu 4 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi emenda fil-Kostituzzjoni sabiex l-ambjent san, nadif u sostenibbli jkun rikonoxxut bħala parti mid-drittijiet umani – bil-kelma ambjent tinkorpora fiha bħala dritt anke l-estetika u l-kultura.

Madanakollu l-Gvern ta’ Abela jidher li qed jiġi jaqa’ u jqum mill-fatti u kuntent li jibqa’ bl-istatus quo, tant li saħansitra l-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli qed tagħti x’tifhem li tali emenda m’hemmx bżonnha – minkejja li fil-Qrati preżentament il-poplu ma jistax jieħu passi legali kontra l-Gvern ladarba jinkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu b’rabta mal-ambjent.

Il-Ħamis waranofsinhar Net News staqsa lill-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-ambjent Virginijus Sinkevicius dwar l-importanza li l-ambjent ikun meqjus bħala dritt fundamentali tal-bniedem, bil-Kummissarju jisħaq li l-Unjoni Ewropea diġà għandha dan il-ħarsien iżda rrikonoxxa li hawn pajjiżi li qed imorru lil’hinn minn hekk…b’Malta mhux wieħed minnhom.

Mistoqsija jekk hux se taqbel mal-abbozz tal-PN, il-Ministru Dalli ma kkomettitx ruħha u tat x’tifhem li min jaħseb li nkisirlu xi dritt ambjentali….dejjem hemm l-Unjoni Ewropea..

Dan kollu filwaqt li bosta ċittadini Maltin u Għawdxin qed jisħqu li huma fgati bit-tniġġis kawża ta’ kostruzzjoni u traffiku – kawża ta’ storbju xi kultant sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu – kawża ta’ rwejjaħ allegatament perikolużi fejn lanqas biss tista’ tiftaħ tieqa mal-lejl.

U bl-awtoritajiet jibgħatu liċ-ċittadini minn entità għall-oħra biex isibu l-għajnuna….il-Ministru tal-Ekonomija l-Ħadra qed tati x’tifhem li jekk taħseb li qed jinkisirlek xi dritt fundamentali tal-bniedem b’rabta mal-ambjent….mur ħudha ma’ Brussell; għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista…li qed jisħaq li jkun min ikun fil-Gvern għandu jkun responsabbli sabiex iħares l-ambjent madwar iċ-ċittadini u jekk l-istat jinstab ħati għandu jagħmel tajjeb għalih.

Dan kollu sabiex verament u b’mod fattwali – il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja li tixraqlu.