Futbol Sport

”Il-plejers jinsabu determinati li jagħtu prestazzjoni tajba” – Michele Marcolini

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Lejliet il-partita ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 bejn Malta u l-Ingilterra, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Michele Marcolini tkellem b’ottimiżmu u enfasizza dwar id-determinazzjoni tal-plejers biex jagħtu prestazzjoni tajba. Huwa qal ukoll li jinsab kunfidenti dwar il-qagħda fiżika u mentali tal-plejers Maltin.

It-Taljan tkellem dwar il-vantaġġi tal-logħob eżatt wara li jintemm l-istaġun domestiku filwaqt li tkellem dwar ir-rebħa meritata fil-partita ta’ ħbiberija kontra l-Lussemburgu. Marcolini qal li l-fatturi ewlenin f’din ir-rebħa kienu d-dedikazzjoni tal-plejers u l-abiltà li jwettqu perfettament il-pjan li kellhom. Huwa qal ukoll li minkejja li bla dubju t-tim Malti mhux favorit kontra l-Ingilterra, jemmen ħafna fis-sorpriżi fid-dinja tal-futbol.

Marcolini qal li l-preparazzjoni għal din il-logħba kienet bħal dik ta’ kull logħba oħra għax jemmen fl-importanza ta’ konsistenza fit-taħriġ u fil-preparazzjoni ta’ kull partita. B’hekk jemmen li t-tim ikollu sens ta’ familjarità u kunfidenza.

Dwar il-kundizzjoni tal-midfielder ta’ Royale Union Saint Gilloise Teddy Teuma, Marcolini qal li l-Erbgħa Teuma kellu l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ sħiħa u qal li dan kien pass importanti lejn rijabilitazzjoni. Huwa qal li Teuma huwa plejer importanti għall-iskwadra u jinsab kunfidenti li jkun disponibbli għal din il-partita.

Preżenti wkoll għal din il-konferenza kien hemm il-goalkeeper ta’ Ħamrun Spartans Henry Bonello li qal li l-aktar ħaġa importanti hu li l-plejers ikunu ffokati u kkonċentrati filwaqt li kull plejer għandu jara x’inuma r-responsabiltajiet tiegħu sabiex it-tim kollettivament ikun jista jilħaq il-miri u l-pjan tal-kowċ.