Fil-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Abbuż fuq l-Anzjani, illum titqajjem kuxjenza madwar id-dinja dwar il-bżonn akbar li nipproteġu lill-anzjani tagħna minn kull forma ta’ abbuż, kemm dak fiżiku, emozzjonali, psikoloġiku u finanzjarju.
F’dan il-Jum, il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija maħruġa millKelliem għall-Anzjanità Attiva, Paula Mifsud Bonnici, jinnota li sfortunament, mill-aħħar ċifri li għandha f’idejha l-Pulizija, fis-sena 2022, f’Malta kienu rrappurtati aktar minn 270 reat fuq anzjani, li minnhom 66% kienu każi ta’ vjolenza domestika.
Bla dubju, il-każi ta’ abbuż huma ħafna akbar meta wieħed iqis li l-anzjani jibżgħu jirrapportaw u dan partikolarment minħabba li l-abbuż jista’ jkun ġej minn xi membru tal-familja jew minn min suppost ikun qed jieħu ħsieb il-kura u s-saħħa taghhom.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jara li f’pajjiżna kulħadd ikun qed jghix kwalità ta’ ħajja tajba. Għaldaqstant, f’dan il-Jum Internazzjonali, itenni l-impenn li jara li f’pajjiżna jkun hawn strutturi legali u soċjali aktar b’saħħithom biex ikunu miġġielda dawn l-abbużi.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kommess li jara li l-anzjani f’pajjiżna jkunu parteċipi fid-deċiżjonijiet kollha li jolqtuhom biex l-ebda anzjan ma jsofri l-ebda forma ta’ tbatija jew abbuż.
Fost l-oħrajn, hu ta’ ghajb li l-aktar persuni li sofrew minħabba d-deċiżjoni arbitrarja li ħa riċentement il-Gvern ta’ Robert Abela, li jwaqqa’ d-Dar tal-Anzjani f’Bormla, kienu proprju l-anzjani stess li joqgħodu f’din id-dar.
Fl-aħħarnett, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jinvesti f’aktar taħriġ għall-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan is-settur biex ikunu jistgħu jagħrfu aktar l-abbuż, kif ukoll jinvesti f’aktar servizzi li jagħtu l-protezzjoni kollha mehtieġa lill-anzjani.
//= $special ?>