Rapport ta’ Kumitat magħmul mid-deputati tal-Parlament Britanniku qed jgħid li l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qarraq ‘dolożament’ bl-istess Parlament u bil-poplu waqt li mexxa ħażin lill-investigazzjoni dwar il-parties għall-membri tal-istaff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li saru fi żmien meta l-poplu kien taħt lockdown, b’riżultat tal-pandemija tal-Covid-19.
Il-Kumitat sostna li kieku Johnson ma rriżenjax mill-Parlament, il-membri kienu jirrakkmandaw li hu jispiċċa sospiż għal 90 jum mill-House of Commons u bħala miżura li ma għandha l-ebda preċedent għal Prim Ministru Britanniku.
Ir-rapport isostni li Johnson mhux talli qarraq bil-House of Commons waqt li kien qed iwieġeb dwar il-festini li saru fi żmenijiet projbiti iżda anki kompla jikkuntesta lill-Kumitat b’ċerta persistenza ‘u meta kien jaf li ma kellux raġun’. Akkuża oħra kienet li Johnson kien kompliċi ‘f’kampanja ta’ abbuż u intimidazzjni fil-konfront tad-deputati ma’ dan il-Kumitat’.
Sadanittant, l-Oppożizzjoni Laburista f’Londra insistiet biex Boris Johnson jitlob skuża, bil-Viċi-Kap tal-Partit Laburista Angela Rayner issostni li Johnson hu ‘it-tip ta’ persuna li ma jaċċetta qatt responsabbiltà għal għemilu’.
Boris Johnson kien irriżenja minn Prim Ministru Britanniku f’Lulju tas-sena l-oħra, bid-deċiżjoni tiegħu ssegwi mewġa ta’ riżenji mill-Partit tat-Tories fil-Gvern wara li huma esprimew nuqqas ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
U kien proprju l-ġimgħa l-oħra li Johnson għażel li ma jkomplix bħala deputat backbencher mal-Partit Konservattiv wara li kien ingħata ħjiel minn qabel dwar ir-rapport tal-hekk-imsejjaħ Privileges Committee.
Fl-aħħar sigħat ukoll, Boris Johnson – li mhux jaċċetta r-riżultati tar-rapport – ħareġ stqarrija bil-miktub fejn, fost oħrajn, irrefera għall-pubblikazzjoni finali tar-rapport bħala ‘attentat għal assassinju politiku’.
//= $special ?>