“Irridu noħolqu mudell ekonomiku li bih tavvanza s-soċjetà u mhux biss biex sempliċiment ikollok tkabbir”.
Dan qalu Norman Aquilina, il-Kap Eżekuttiv tal-grupp Farsons, f’opinjoni miktuba minnu stess fil-ġurnal Times of Malta. B’Aquilina jistaqsi jekk il-pajjiż hux lest li jħares lejn il-bżonn ta’ riforma ekonomika, jew jekk hux se jsiru ħafna appelli fuq dan is-suġġett mingħajr azzjoni.
Huwa insista li t-tkabbir tal-ekonomija għandu jkun abbinat ma’ progress soċjali. Filwaqt li spjega qed iżidu l-problemi f’pajjiżna fejn tidħol il-kwalità tal-ħajja, il-kostruzzjoni eċċessiva u l-ogħli tal-ħajja fost l-oħrajn.
Il-Kap tal-Grupp Farsons sostna dan kollu wara dak li stqarr il-Ministru tal-Ekonomija Clyde Caruana – fejn qal, li pajjiżna jeħtieġ bidla fil-mudell ekonomiku; għaliex il-mudell implimentat bħalissa, jista’ jwassal biex il-popolazzjoni Maltija tiżdied għall-800,000 sas-sena 2040. Għalkemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Silvio Schembri assulutament mhux jaqblu li hemm bżonn bidla – anzi, qed jinsistu li l-mudell preżenti jaħdem u li hemm bżonn biss issir diversifikazzjoni.
Norman Aquilina minn naħa tiegħu qal li għandna nħarsu lejn viżjoni ekonomika…bi Gvern li jkun orjentat aħjar biex jilħaq il-miri ekonomiċi tiegħu. Irrefera wkoll għall-ħtieġa li l-liġijiet jiġu emendati fejn hemm bżonn.
U filwaqt li tkellem dwar il-bżonn li xorta ninvestu f’sistemi automatiċi u fit-teknoloġija avvanzata, il-Kap Eżekuttiv ta’ Farsons tenna li l-ekonomija għandha tkun abbinata ma’ dak li għandha bżonn is-soċjetà; sabiex verament pajjiżna u anke n-negozji jibbenefikaw minn din il-bidla.
Ritratt: Farsons Group
//= $special ?>