Organizzat minn Festivals Malta, il-Malta International Arts Festival sar sinonimu ma dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-arti performattiva. Il-festival, li huwa magħruf għall-programm eklettiku tiegħu u għall-postijiet uniċi li jospitawh, ser jippreżenta l-aqwa artisti lokali u internazzjonali li ser jippreżentaw diversi dixxiplini artistiċi fosthom l-arti viżwali, il-mużika, iż-żfin, u t-teatru, fost oħrajn.
Il-festival, li ser jibda minn għada il-Ġimgħa b’istallazjoni tat-tip son et lumière bl-isem ta’ ARTI-full immersion, ser jinkludi programm artistiku rikk b’diversi kollaborazzjonijiet ma istituzzjonijiet lokali. Il-programm jinkludi mużika klassika u kontemporanja, prestazzjoni teatrali b’ritwali u tradizzjonijiet assoċjati mal-mewt, prestazzjoni fuq dgħajsa f’inżul ix-xemx, sfilata tal-moda mill-istudenti tal-MCAST, kunċert f’ċisterna taħt il-Belt Valletta, esebizzjoni ta’ kostumi storiċi ta’ żmien il-kavallieri fis-Sala Dei Cavalieri ta’ Palazzo De La Salle, kunċert mill-Malta Philharmonic Orchestra, u ħafna aktar.
Waħda mill-prestazzjonijiet ewlenin tal-festival huwa kunċert minn Guilhem Desq, mużiċist li jispeċjalizza f’strument medjevali bl-isem ta’ Hurdy-Gurdy. Desq immodifika l-istrument tiegħu f’verżjoni elettrika, li permezz t’hekk jista’ jdoqq varjetà wiesgħa ta’ ġeneri fosthom mużika tal-Lvant Nofsani, rock kontemporanju, hip-hop, electro, u heavy metal, fost oħrajn. Permezz tal-aġilità u t-teknika unika tiegħu, huwa kiseb it-titlu ta’ ‘Hendrix of the Hurdy-Gurdy’ kemm mill-kritiċi kif ukoll mis-segwaċi tiegħu. Ta’ min jgħid li dan l-avveniment mhux ta’ min jitilfu.
Kunċert ieħor li mhux ta’ min jitilfu jġib l-isem ta’ Pastorale, bis-sehem tal-pjanista Grieg Konstantinos Destounis u tal-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Michael Laus. Il-programm jinkludi fih żewġ premiers nazzjonali: “Piano Concerto No. 2” (1957) ta’ Dmitri Shostakovich u “Pacific 231” (1923) ta’ Arthur Honegger – żewġ kompożizzjonijiet li huma meqjusa bħala xogħlijiet seminali tas-seklu 20. L-ewwel nofs tal-programm jinkludi żewġ kompożizzjonijiet ta’ kompożituri Maltin: “Elegy” ta’ Christopher Muscat u “The Forbidden” ta’ Ruben Zahra. It-tieni nofs tal-programm huwa ddedikat għas-Sitt Sinfonija ta’ Beethoven, magħrufa bħala l-Pastorale. Maqsum f’ħames movimenti, dan huwa wieħed mill-aktar xogħlijiet popolari ta’ Beethoven, mimli melodiji sbieħ b’kull moviment juri xena differenti min-natura.
Il-Malta International Arts Festival se jsir bejn is-16 u l-25 ta’ Ġunju 2023. Għal biljetti u aktar informazzjoni żur www.festivals.mt/miaf
//= $special ?>