Internazzjonali

Mill-inqas 79 mejta u mijiet oħra mitlufa wara traġedja qrib il-Greċja

Traġedja fil-Baħar Mediterran hekk kif dgħajsa tal-immigranti nqalbet qrib il-Greċja, b’79 persuna spiċċaw tilfu ħajjithom u madwar 500 persuna oħra qed jiġu mfittxa.

Din qed tkun meqjusa bħala l-agħar traġedja sa mill-bidu ta’ din is-sena s’issa.

Id-dgħajsa tas-sajd kienet intlemħet ftit qabel minn ajruplan ta’ Frontex iżda dawn ma ngħatawx aċċess għall-eqreb port. Gwardjan tal-Kosta Grieg kien mgħarraf ftit minuti qabel li l-magna tad-dgħajsa kienet qed tesperjenza xi ħsarat iżda għajnuna lilhom ġiet rifjutata. Id-dgħajsa għerqet ftit tal-minuti wara.

Tfittxija għal dawk neqsin għadha għaddejja iżda r-riħ qawwi li hemm fiz-zona qed tagħmel ferm diffiċli. Fortunatament, total ta’ 104 immigranti ġew salvati mill-baħar. Dawk li salvaw qalu li l-kaptan tad-dgħajsa telaqhom weħidhom tliet sigħat wara l-ewwel talba għall-għajnuna.

Id-dgħajsa hi maħsuba li telqet mill-Libja lejn l-Italja, bil-maġġoranza ta’ dawk abbord kienu irġiel li kellhom fuq l-għoxrin sena.