Internazzjonali

Renju Unit: Mietet l-attriċi veterana u eks-MP Glenda Jackson

L-attriċi veterana Glenda Jackson – li kellha wkoll karriera prominenti fil-politika tar-Renju Unit – mietet fl-età ta’ 87 sena.

Hi saret magħrufa madwar id-dinja matul is-snin sebgħin fejn kienet fost l-aktar attriċi mfittxija mill-produtturi tal-films. Fil-fatt, Glenda Jackson rebħet l-Oscar għall-films Women in Love u A Touch of  Class, minbarra li kellha nominazzjonijiet oħrajn għal dan il-premju prestiġjuż.

Glenda Jackson anki interpretat ir-rwol tar-Reġina Eliżabetta I fid-drama tal-BBC bl-isem Elizabeth R iżda hi dejjem kienet interessata ħafna fil-politika, tant li hi biddlet il-karriera ta’ attriċi mar-rwol ġdid bħala deputat Laburista mal-House of Commons, fejn irrappreżentat iz-zona ta’ North London mill-1992 sal-2015.

Jackson anki għamlet żmien bħala junior transport minister fil-Gvern Britanniku wara li l-eks Prim Ministru Tony Blair li kien ħa  l-poter fl-1997.

Intant, Glenda Jackson irritornat mill-ġdid għall-‘ewwel imħabba tagħha’ u fejn kellha sehem ewlieni fil-produzzjoni għall-palk ‘King Lear’ (2016) u fejn fl-2020 rebħet Bafta għall-comeback tagħha fid-drama tal-2020 maħdum għat-televiżjoni bl-isem Elizabeth  is Missing.