L-Ingliż huwa l-aktar lingwa mifhuma mill-popolazzjoni ta’ pajjiżna; bil-lingwa Maltija tiġi fit-tieni post.
Dan irriżulta minn stħarriġ li sar fʼOttubru tas-sena li għaddiet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-ħiliet f’Malta – stħarriġ li twettaq fost 130,000 individwu ta’ bejn il-15 u l-64 sena li jgħixu f’dar privata, u li jinkludi kemm ċittadini Maltin kif ukoll ċittadini mhux Maltin li għexu f’pajjiżna għal mill-inqas ħames snin qabel sar dan is-survey.
L-istħarriġ tal-NSO tratta ħiliet fi tmien oqsma differenti; l-arti u l-kreattività, il-bini, il-biedja u s-sajd, l-għodod u l-makkinarju, l-assistenza u l-kura, il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni, l-informazzjoni, u l-kompjuter.
Dan l-istħarriġ wera li l-Ingliż huwa mifhum minn 96 fil-mija tal-popolazzjoni, segwit mill-Malti 90.4 fil-mija u mit-Taljan 62 fil-mija. L-għarfien tal-ilsien Taljan u dak Għarbi hu aktar komuni fost dawk li ghandhom minn 25 sena ʼl fuq, filwaqt li l-Franċiż u l-Ġermaniż kienu prevalenti fost dawk fl-età taʼ bejn il-15 u l-24 sena.
Dik il-parti tal-popolazzjoni li rrappurtat li għandha ħiliet avvanzati fil-qari u l-kitba tal-Malti kienet ħafna inqas meta mqabbla ma’ dawn li jifhmuh u jitkellmuh. Fi kliem semplici, hawn nies li jifhmu Malti imma ma jafux jiktbuh jew jaqrawh.
Dan l-istħarriġ wera li l-livell avvanzat tal-Malti u l-Ingliż, fl-erbaʼ oqsma tat-tagħlim tal-lingwi, kien iktar komuni fost in-nisa milli fost l-irġiel.
L-istħarriġ juri wkoll li l-aktar kategoriji komuni taʼ ħiliet, kienu fil-kompjuting (78.5 fil-mija), il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni (70.6 fil-mija) u l-l-għoti tal-assistenza u l-kura (65.6 fil-mija).
Fil-kategorija tal-ħiliet artistiċi u kreattivi, l-isports kien l-aktar ħila komuni fost dawk li għandhom bejn il-15 u l-24 sena, mentri l-ħiliet tat-tisjir kienu l-aktar popolari fost dawk li kellhom minn 25 sena ʼl fuq.
Il-ħiliet tal-bini huma l-aktar popolari fost l-irġiel li huma akbar fiż-żmien. Min-naħa l-oħra l-ħiliet fil-biedja u s-sajd huma komuni l-aktar f’Għawdex.
Kważi nofs l-irġiel fil-popolazzjoni mistħarrġa identifikaw mill-inqas ħila waħda mill-kategorija tal-ħiliet konnessi ma’ għodda u makkinarju. Dan l-istħarriġ wera wkoll li aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni mistħarrġa rrappurtaw li għandhom ħiliet bażiċi tal-kompjuter; fejn l-użu tas-social media minn persuni ta’ kull età bla dubju li għen għal din il-bidla.
//= $special ?>