Traġedja fil-Gżejjer Maltin hekk kif għaddas tilef ħajtu wara li spiċċa f’diffikultà fil-baħar f’Għajnsielem.
L-inċident seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tas-6:15 ta’ filgħaxija hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza minħabba li kien hemm persuna li tinsab f’diffikultà fil-baħar fl-inħawi tax-Xatt l-Aħmar, Għajnsielem.
Il-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex marru fil-post fejn sabu lill-għaddas fuq l-art wara li ttella’ mill-baħar minn xi nies li kien hemm fil-post.
Huwa mill-ewwel beda jingħata l-assistenza medika imma sfortunatament kien kollu għalxejn għaliex ġie ċċertifikat mejjet fil-post.
Aktar tard, il-vittma ġie identifikat bħala Ġermaniż ta’ 67 sena.
Il-Maġistrat tal-Għassa Brigitte Sultana ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>