Sanna Marin – sa ftit ilu l-Prim Ministru tal-Finlandja – u l-Partit tagħha taċ-ċentru xellug mhumiex se jkollhom sehem fil-Gvern ġdid ta’ koalizzjoni f’Helsinki. Dan wara li l-Partit tal-Finlandiżi estremista tal-lemin qabel li jissieħeb fil-Gvern flimkien mal-Partit Nazzjonali għall-Koalizzjoni taċ-ċentru-lemin, il-Partit għall-Poplu Żvediż f’minoranza u d-Demokristjani.
Il-Partit estremista inkwistjoni, li spiċċa t-tieni l-akbar forza politika fl-elezzjoni ta’ April, baqa’ jinsisti għat-tnaqqis drastiku ta’ immigranti li qegħdin jaslu l-Finlandja bħala kundizzjoni biex jissieħeb fil-Gvern ġdid ta’ koalizzjoni li se jikkontrolla 108 fost il-200 siġġu Parlamentari.
Il-Partit Nazzjonali għall-Koalizzjoni spiċċa bħala l-akbar partit fl-elezzjoni bi 48 siġġu – bil-Partit tal-Finlandiżi estremista jikseb 46 u bil-Partit Soċjal Demokratiku ta’ Sanna Marin jispiċa t-tielet bi 43 siġġu.
Jidher anki li d-differenzi kbar bejn il-partiti dwar l-ekonomija wassal biex il-Partit tal-Finlandiżi jissieħeb mal-gruppi politiċi li kapaċi jattwaw il-qtugħ sinifikanti fl-infiq pubbliku.
In-negozjati bejn il-partiti Finlandiżi kienu diffiċli u damu għaddejjin għal ħdax-il ġimgħa….Ħdax-il ġimgħa li fihom Sanna Marin serviet bħala Aġent Prim Ministru tal-Finlandja.
Sadanittant, Petteri Orpo, il-Kap tal-Partit Nazzjonali għall-Koalizzjoni taċ-ċentru-lemin, mistenni li jieħu r-riedni bħala Prim Ministru ġdid tal-Finlandja u meta l-akbar priorità tiegħu se tinvolvi l-miżuri lejn l-istimolu tal-ekonomija.
U waqt li l-Parlament għad irid jivvota dwar il-konferma ta’ Orpo bħala Prim Ministru, għadu ma ħareġ xejn dwar id-data tal-vot partikulari f’Helsinki.
//= $special ?>