Lokali

Il-Gvern kien ilu sentejn jaf bil-problemi fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla

Tkompli l-kontroversja dwar id-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla… hekk kif issa sar magħruf li minkejja li din il-binja mhux tilħaq ċerti standards…fl-aħħar xhur kien inħareġ ċertifikar li hija ‘up to standard’ sas-sena d-dieħla.

Rapport li kien sar f’Settembru tal-2021 u li kien ippreżentat fil-Parlamanet din il-ġimgħa juri b’mod ċar li l-Gvern kien ilu kważi sentejn jaf li l-kundizzjonijiet ta’ din id-Dar ma kinux xierqa; u dan għad-detriment tas-saħħa tal-anzjani u anke tal-ħaddiema li jaħdmu f’din id-Dar.

Filfatt, il-Perit Stephen Buhagiar f’dan ir-rapport qal l-konkos ta’ din ir-residenza – li inbniet fl-1997 – kien ikklassifikat li ma jilħaqx l-istandards rikjesti.

Il-Perit aċċenna li l-iktar tħassib kien fuq il-livell ta’ saħħa li kellu l-konkrit… fejn f’ċerti partijiet tal-binja… is-saħħa tal-konkrit kienet iktar dgħajfa minn partijiet oħra.

Il-kumpanija Terracore Limited kienet ġiet ikkummissjonata biex twettaq testijiet tal-konkrit f’diversi gallariji li jinsabu f’din il-binja. U żewġ kampjuni li ttieħdu, urew li ma rreżistux it-test filwaqt li l-bqija tar-riżultati indikaw li ma kinux aċċettabbli.

Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici spjegat kif is-Social Care Standards Authority, li issa qed tgħid li din id-dar għandha titwaqqa’, kienet ħarġet ċertifikat li juri li din il-binja hija up to standard… liema ċertifikat huwa validu sa Jannar tas-sena d-dieħla.

Dan kollu juri kemm il-Gvern ta’ Robert Abela… minkejja li kien ilu sentejn jaf li ċerti partijiet minn din il-binja ma kinux skont l-istandards rikjesti… xorta ħalla l-affarijiet għaddejin. Mhux talli hekk, talli ħareġ ċertifikat li wera li d-Dar hija up to standard sas-sena d-dieħla.

Mistoqsi mid-Deputat Paula Mifsud Bonnici jekk il-Gvern hux se jkun qed jagħmel xgħolijiet f’nofs il-binja jew inkella fil-binja kollha, il-Ministru tal-Anzjani Jo Etienne Abela – fil-Parlament – ma ta ebda tweġiba. Iżda jekk wieħed jara l-applikazzjoni għall-permess tal-bini jinduna li se tkun qed titwaqqa’ biss parti minn din il-binja u mhux kollha.

It-tħassib tal-anzjani residenti f’din id-Dar u tal-qraba tagħhom huwa għaliex dawn l-anzjani se jkunu rillokati fi Djar oħra meta faċilment jistgħu jitpoġġew fil-parti l-oħra tad-Dar tal-Anzjani fejn mhux se jsiru xgħolijiet  bħalma sar fid-Dar tal-Anzjani tal-Furjana – residenza fejn qed issir rinnovazzjoni, iżda l-anzjani inżammew fiha.