Lokali

AĠĠORNATA: Jikteb hu stess wara li l-Pulizija qalu li jinsab imfittex

Ftit wara li l-Pulizija ħarġu l-istqarrija li Ryan Dimech huwa mfittex, spiċċa kiteb hu stess li bħalissa jinsab barra minn pajjiżna fuq xogħol. Barra minn hekk, Dimech qal li l-Pulizija fl-ebda ħin ma kkuntatjatu li għandu jidher fil-Qorti filwaqt li kkritika l-mod kif imxew f’din is-sitwazzjoni.

Dan mhuwiex l-ewwel każ hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu l-Pulizija ħarġet stqarrija li qed tfittex raġel…tfittxija li r-riżultat li r-raġel kien qed jiskonta sentenza l-ħabs u kien ilu hemm minn Frar li għadda.

AKTAR KMIENI: Il-Pulizija qed tfittex lil Ryan Dimech b’rabta ma’ każ pendenti li hemm għaddej fil-Qorti.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kull min għandu kwalunkwè tip ta’ informazzjoni dwar din il-persuna mitlub jagħmel kuntatt mal-Pulizija permezz ta’ messenger, jew iċempel, anke b’mod anonimu, fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija u jiġi kwotat in-numru 17/2023.