Ekonomija Lokali

Konferma li d-dejn se jkompli jiżdied; it-tkabbir ekonomiku jonqos

Ċifri maħruġa illum f’rapport ippubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta jagħtu stampa pjuttost inkwetanti għall-ekonomija Maltija hekk kif qed ikomplu jispikkaw xejriet kuntrastanti, bi tbassir illi jindika li tnaqqis fil-GDP – u allura tnaqqis fil-ġid li joħloq il-pajjiż.

Skont il-Bank Ċentrali, it-tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku se jinżel għal 4% din is-sena. U huwa imbassar li jibqa’ nieżel għal 3.7% fl-2025.

Fl-istess waqt, id-dejn tal-pajjiż qed ikompli jisplodi ‘l fuq – bi tbassir li jitla’ sa 55% is-sena d-dieħla.

L-istampa li qed jiproġetta l-Bank Ċentrali hija waħda kuntrastanti għaliex filwaqt li jbassar tnaqqis fid-deficit, jidher li l-qgħad se jiżdied marġinalment. Għalkemm fl-istess waqt, ir-rapport juri li l-inflazzjoni se tonqos.

Fl-istess waqt, il-Bank Ċentrali qed jgħid li l-inflazzjoni tista’ tkun aktar persistenti milli mistenni fit-tbassir u tista’ tkompli tiġi affettwata minn effetti indiretti u minn żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti.