“Dan it-tarmac kollu fil-baħar għad jispiċċa. Bla sbuħija. Ħsara ambjentali kbira għamiltu. Immisskom tistħu. Għaffiġtuha.”
Dawn huma biss ftit mill-eluf ta’ kummenti li dehru fuq il-media socjali wara li din il-ġimgħa r-rampa li tagħti għal bajja ta’ Għar Lapsi inksiet bit-tarmac.
F’post fuq il-midja soċjali s-Sindku Laburista tas-Siġġiewi Dominic Grech ftaħar b’dan il-proġett li jista’ jitgawda minn kulħadd.
Iżda wara li poġġa’ r-ritratt, tant kien hemm kritika u ilmenti li aktar tard is-Sindku neħħa l-aċċess sabiex in-nies jikkummentaw.
Fost il-kritika li kien hemm, ħafna nies qalu li jifmhu li dan il-passaġġ kellu jsir għaliex kien fi stat ħażin. Iżda bosta esprimew li hemm alternattivi aħjar milli tpoġġi kisja tarmac. U saħansitra n-nies stess tellgħu ritratti differenti li juru x’seta sar minn dan il-passaġġ.
Barra minn hekk, uħud qalu li t-tarmac mhuwiex postu f’din iż-żona għaliex se ssir ħsara ambjentali kbira. Hawnhekk uħud mill-kummenti spjegaw li l-materjal tossiku jista’ jispiċċa fil-baħar b’oħrajn ifakkru li fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf it-tarmac se jkun jikwi.
Ħafna kummenti irrimarkaw li t-tarmac jistona wisq f’din iż-żona, u wasslu suġġeriment għal pavimentar natutali sabiex dan il-passaġġ ikun aħjar minn qabel.
Iżda minn naħa tiegħu, f’uħud mir-risposti li ta, is-Sindku Laburista ddefenda dan il-proġett filwaqt li qal li qabel dan il-passaġġ kien sar b’materjal simili.
Iżda l-appell ta’ dawk li għandhom tant għal qalbhom din il-bajja ta’ Għar Lapsi huwa wieħed; li dan il-passaġġ jerġa’ jsir b’materjal aktar adattat.
//= $special ?>